Soup kitchen

    Soup kitchen

    Kien lejn l-aħħar tas-snin disgħin. Wiehed mill-klijenti li kien jattendi l-Caritas il-Furjana gabni wiċċ imb’wiċċ ma’ realtà li għalkemm kienet qed tigri taħt imniehri, ma kontx qed inxommha.

    Dan iż-żagħżugħ, b’ton ta’ ċanfira qalli, min jigi hawn tistaqsuh ruxxmata  mistoqsijiet. In-numru tal-karta tal-identita’, in-numru tat-telephone, id-data tat-twelid, x’jismu missieru, x’nazzjonalità hu, x’livell ta’ skola għandu, fejn joqgħod, jekk jixrobx, jekk jihux drogi, eċċ.eċċ.

    “Imma ma tisaqsux mistoqsija importanti? Trejjaqt dalgħodu? għax ngħidlek il-verità lanqas belgħa kafè għadni ma ħadt”, kompla ż-żgħażugħ li ħassejtu donnu tefagħli banju ilma kiesah fuq rasi.

    Instant riċe u noodles

    U hekk nahseb bdejna l-ewwel soup kitchen ta’ Malta post kolonjali. għalkemm ovvjament rari servejna soppa, hlief tal-pakkett.

    Bdejn b’naqra kafè u te, zokkor u ħalib. Imbagħad żidna ftit cereal. U naqra naqra bdejn nintroduċu ikel iehor. L-aktar instant rice u noodles, għalkemm ‘l hawn u ‘l konna nippruvaw inħawru u nvarjaw.

    Tajjeb hawnhekk ngħid li konna sibna għajnuna minn The Alf Mizzi Foundation u minn għadd ta’ supermarkets oħra.

    Finalment akkwistajna somma flus sabiħa mill-“Istrina” u ftahna Harm Reduction Shelter fejn il-Health Centre tal-Furjana. 

    Hemmhekk fost affarijiet oħra konna noffru ikel f’nofsinhar u saqaf għal min kien qed isib diffikultà biex imur fix-shelters ezistenti. 

    Emozzjonijiet imħallta

    Naf li mhux kulħadd jiehu gost li nagħmel hilti biex inzomm il-faqar fil-għoli kemm jista’ jkun fuq l-agenda politika. Imma jien dax-xogħol ma nagħmlux biex ningħogob.

    U bla tlaqliq ngħid li l-ahbar li l-Patrijiet Frangiskani se jifthu soup kitchen fil-Belt ħallitni b’emozzjonijiet imħallta. 

    Nifrah għax min hu bil-guh se jsib fejn jiekol. U jiddispjaċini li għad fadal dawn in-nies f’pajjiz fejn l-ekonomija sejra tajjeb. 

    Mill-esperjenza tiegħi f’Dar Papa Frangisku, hemm ħafna ragunijiet għala mhux kulħadd qed ilaħħaq mal-ħajja. U impossibbli nsemmihom kollha. 

    Imma le, mhux għax dawn in-nies iridu l-huta u ma jridux jitgħallmu jistadu. Anzi, uhud minnhom ilhom jistadu ħajjithom kollha.

    Gustizzja soċjali

    Issa mbilli noqogħdu nippuntaw subgħajna lejn dak u lejn l-oħra mhu se naslu mkien. Hemm bżonn nitimgħu lil kulħadd u nipprovdu saqaf lil kulħadd. Dik hija l-aktar ħaġa bażika. 

    U min forsi flok jistad, jista’ jitgħallem xi ħaga oħra, ngħallmuhielu wkoll u nipprovdulu l-opportunitajiet. 

    Imma rridu niftakru li ħadd mhu għar-rimi u l-għan aħħari tagħna għandu jkun li naraw li l-ġid jitqassam b’gustizzja.