Għaliex id-droga?

    GĦALIEX ID-DROGA?

    Nibda bi storja ta’ Anthony de Mello. Jew aħjar il-verżjoni tiegħi ta’ din l-istorja għax issa ili snin li qrajtha.

    Mela darba kien hemm qassis qed jaqra l-brevjar għall-frisk taħt siġra. Ħin minnhom ġie tifel fuqu nifsu maqtugħ, u qallu “Igri Father, għax hemm raġel qed jegħreq fix-xmara”.

    Il-qassis telaq jiġri u ra raġel nieżel mal-kurrent fix-xmara. Bla kliem u bla sliem qabeż għalih u salvah. Ha n-nifs u reġa’ mar lura taħt is-siġra.

    Imma immedjatament l-istorja rrepetiet ruħha. għal darba, tnejn, tlieta, erbgħa…..

    Wara li ma nafx kemm-il raġel il-qassis tella’ mix-xmara, uħud mejtin, kien hemm xwejjaħ li mar fuqu u qallu: “Father tista’ tibqa’ sejjer hekk sal-eternità għax hemm raġel aktar ‘il fuq li qed jitfa’ n-nies fix-xmara. Ara tmurx u twaqqaf lilu”.

    Daqs l-alkohol

    Din l-istorja ġietni f’moħħi meta qrajt x’kellhom xi jgħidu Fr Hilary u Dun Manwel Cordina dwar il-legalizzazzjoni tad-droga waqt il-konferenza organizzata mill-OASI.

    Fl-istess waqt kellna l-aħbar li l-kokaina kważi saret użata daqs l-alkoħol. Tant hemm problema li s-Sedqa ħasset li għandha tiftaħ klinika esklussivament għal dawk li jużaw il-coke.

    U hawn qed nitkellmu biss dwar droga llegali. għax mal-coke, il-ħaxixa, ecc., trid iżżid il-pirmli, bħall-antidepressants u l-painkillers, li kif kulħadd jaf hawn eluf ta’ nies ma jistgħux jgħixu mingħajrhom. 

    Imbagħad, tgħidulix qed nesagera, imma rridu nżidu d-drogi l-oħra kollha. Il-poter, il-flus, il-karboidrati, iz-zokkor, il-kafeina, l-alkohol, il-karrieri, il-logħob tal-azzard, ix-xiri, is-sess,  ir-relazzjonijiet, eċċ., eċċ.

    Għaliex?

    Meta tħajjart nidhol fil-kamp tar-riabilitazzjoni, wahda mill-affarijiet li tgħallimt kienet li d-droga hija sintomu u hemm bżonn nistaqsu x’inhi l-kawża.

    Barra minn hekk, l-ewwel vers tal-filosofija tal-programm tal-Caritas, meħud minn dik ta’ Daytop, huwa ċara. “Aħna ninsabu hawn għax ma nistgħux naħarbu minna nfusna”.

    Minn xiex qed nippruvaw naħarbu?  Għaliex m’aħniex komdi bina nfusna? Kemm se jdumu jitfarrku nies qabel insibu t-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet?

    U billi għamilna d-droga illegali, x’solvejna?