Mhux blank cheque

    Ir-rebħa tal-Partit Laburista kienet massiċċa. U minkejja li qabel l-elezzjoni kien hemm min qalilna li d-differenza bejn il-partiti hija ta’ aktar minn 9%, ftit kienu dawk li emmnu. Jien wieħed minnhom.

    Imma l-poplu ddeċieda. U l-ebda oraklu, jaħseb kemm jaħseb li hu bravu, ma jista’ b’xi mod jimminimizza din id-deċiżjoni. 

    Inutli noqogħdu ngħidu li l-maġġoranza ma tifhimx. Li tpoġġi l-ħobż qabel il-governanza u l-korruzzjoni. Li dan il-pajjiż biegħ ruħu. Li wasalna fiż-żminijiet tad-dlam.

    Issa huwa l-waqt li ħarsu ’l quddiem, mhux lura. Veru rridu nitghallmu mill-imgħoddi, imma mhux sempliċiment biex inkunu tgħallimna. Imma biex dak li tgħallimna npoġġuh fil-prattika ħalli għada jkun aħjar mil-lum.

    X’jiġifieri?

    Imma x’jiġifieri għada aħjar mil-lum?  Sempliċiment li l-ekonomija tibqa’ tikber u tikber u tikber qisha s-siġra tal-ful li żera’ Ġwakkin? Jew li minflok appartament ikollna villa? U flok boat ikollna super yacht?

    Irridu naħsbu u nifhmu x’jiġifieri l-aqwa żmien. Żmien li mhux biss ikollna moħħna mistrieħ mill-aktar affarijiet bażiċi, mill-ħobża ta’ kuljum u saqaf fuq rasna, imma żmien fejn nistgħu ninvestu fina nfusna.

    Żmien fejn nistgħu ngawdu l-familja.  

    Żmien fejn insaħħu l-komunitajiet tagħna. 

    Żmien fejn naraw li kulħadd jimxi ’l quddiem, jemmen fiex jemmen jew ġej minn fejn ġej.

    Biex ħadd ma jibqa’ lura

    L-aqwa żmien fuq kollox ifisser li nitgħallmu mill-imghoddi u noħolqu l-istrutturi meħtieġa biex l-iżbalji ma jkunux jistgħu jirrepetu ruħhom. 

    Fost il-Laburisti li reġgħu vvutaw PL, żgur li hemm ħafna li mhux kuntenti bil-kontijiet il-Panama u bi stejjer bħal dawk tal-Premiere u Gaffarena.

    Jalla ħadna t-tagħlima. Il-vot tat-3 ta’ Ġunju ma jfissirx blank cheque. Anzi. U hemm bżonn li s-soċjetà ċivili, l-Oppożizzjoni u l-PL innifsu jkunu għassiesa ħalli jkollna soċjetà nadifa.

    Il-vot għalija jfisser rikonoxximent li sar ħafna tajjeb u hemm bżonn inkomplu nibnu fuqu. 

    Hemm bżonn naraw kif inkomplu noħolqu l-ġid u naraw li dan jitqassam b’ġustizzja biex ħadd ma jibqa’ lura.