Jien nagħżel il-fqar

    Bir-rispett kollu lejn kulħadd, meta niġi biex nagħżel, jien nagħżel il-fqar. Mhux biex nidher. Mhux biex nitkessaħ. Mhux biex nimpressjona. Kważi kważi niddejjaq nitkellem, l-aktar f’dan il-waqt.

    Imma jiġri x’jiġri, fl-erba’ ġimgħat li ġejjin, u wara, l-għażla għandha tkun ċara. Għażla preferenzjali mal-fqar.

    Ħomor u blu, ħodor u oranġjo, Insara u umanisti, l-għażla hija sempliċi. Anzi sempliċissima.

    X’qed ngħidu?

    X’qed ngħidu eżatt meta nitkellmu dwar l-għażla preferenzjali tal-fqar? 

    Ippermettuli nikkwota mill-paġna tal-Ġiżwiti li sibt fuq l-Internet: 

    “Jgħidu li l-aktar mod faċli biex naraw l-umanità hijiex miexja tajjeb huwa billi nwieġbu l-mistoqsija: “Kif qed jgħixu dawk il-membri l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna?”

    “Fl-istorja tal-aħħar ġudizzji (Mt 25) Ġesù għallimna li rridu npoġġu l-bżonnijiet tal-fqar u l-vulnerabbli l-ewwel. Din hija s-sejħa tagħna l-Insara.

    “Il-ġid komuni jirrikjedi li l-fqar ikunu protetti, għax inkella s-soċjetà tinkiser u kulħadd ibati. Il-fqar jistħoqqilhom rispett, li d-drittijiet tagħhom ikunu mħarsa u jingħataw opportunitajiet biex jipparteċipaw fil-ħajja tas-soċjetà.

    “Fi kliem ieħor jistħoqqilhom ġustizzja”.

    Ġustizzja

    S’issa, aktarx iva milli le, ipprovajna nitrattaw mal-faqar bil-karità. Billi nagħtu ftit miż-żejjed li għandna. Billi kultant żmien nagħmlu ġabriet biex ngħinu lil dawk li qed jaqgħu mit-toqob fix-xibka soċjali.

    Mhux qed ngħid li ma sar xejn biex ikun hemm aktar ġustizzja mal-fqar. Allaħares. Imma min jaħdem ma’ dawk vera fil-bżonn jaf li għad fadal ħafna xi jsir. Jitla’ min jitla’.

    L-elezzjonijiet jiġu u jmorru. Imma sakemm hemm persuna waħda li hi waħda li għandha bżonn l-għajnuna biex tieqaf fuq saqajha, irridu nkomplu nanalizzaw l-istrutturi tas-soċjetà.

    U fuq kollox nissuġġerixxu modi ġodda ħalli l-ġid komuni jitqassam dejjem aktar b’ġustizzja.