Ma rxuxtax

    Le ħbieb. Temmnux li rxoxta. Dawk qed jippruvaw ibellgħuhielkom. 

    Ħarsu sewwa u jekk ma tarawhx mejjet, tilmħuh moribond. Qed jieħu l-aħħar nifsijiet kif jista’. 

    Il-problema hija li ma nħarsux. Nagħżlu li mhux biss indawru wiċċna n-naħa l-oħra imma lanqas nagħmlu konnessjoni ta’ ħaġa m’oħra.

    Mur għidilhom lill-ommijiet li tilfu lil uliedhom f’Khan Sheikhun li rxoxta. Jew ipprova pperswadi lin-nisa li zwieġhom inqatlu fl-isplużjoni wara li nxteħtet “Omm il-Bombi Kollha” fl-Afganistan.

    U xi jfisser l-Irxoxt għall-miljuni li jinsabu mejta bil-ġuħ fil-Jemen, fis-Sudan, fis-Somalja, fin-Niġerja u ma nafx fejn aktar? 

    Għidli x’jiswa mbilli nippruvaw nikkunslawhom bil-kliem li kif Ġesù rxoxta, hekk għad jirxuxtaw huma għal ħajja aħjar.

    Mhux lil hinn minn xtutna biss

    L-istorja tal-Irxoxt ttieħdet wisq litteralment. 

    Wisq nemmnu fit-torta fis-smewwiet. Fil-ħajja wara l-mewt. U ma nagħtux daqstant kas ta’ dawk li kull ġurnata hija ġlieda kontinwa biex jgħixu.

    U mhux qed ngħid biss f’dawk il-pajjiżi fejn hemm il-gwerer u l-miżerja. Imma anke f’pajjiżi suppost żviluppati. Inkluż pajjiżna.

    Filwaqt li tieħu gost li l-maġġoranza għandhom il-ħobża ta’ kuljum garantita, jaqbdek il-biki meta titkellem ma’ nies li bid-dħul tagħhom bilkemm jistgħu jaslu biex iħallsu l-kera.

    Ħallu l-mejtin jidfnu l-mejtin

    Imma mhux biss ma rxuxtax għal min ma jafx fejn se jorqod il-lejla, imma lanqas għal dawk li moħħhom biss kif l-ewro se jagħmluh tnejn. Biex jaraw kif jakkwistaw l-aħħar mudell tal-mowbajl. Liema karozza se jdaħħlu biex jimpressjonaw lill-ġirien.

    Ma rxuxtax lanqas għal dawk li moħħhom biss fihom infushom, fir-razza “pura” tagħhom, fil-karriera jew fiċ-ċirku ristrett li jeskludi lil min ma jemminx bħalhom.

    B’xorti ħażina hawn ħafna li jiġu jaqgħu u jqumu min kollox. 

    Biex ma nsemmix lil dawk li għalihom il-ħajja hija biss dwar kemm nipproduċu u kemm nikkunsmaw. 

    Ovvjament mhux kulħadd. Allaħares. għax kieku kien hekk kieku mhux biss ma jirxuxtax imma lanqas ikollu għalfejn jirxoxta.