Il-għala?

    Għandi ħabta nistaqsi l-għala. Bl-Ingliż “why”. U mhux darba jew tnejn ġejt akkużat li jien filosofiku żżejjed. Barra minn hekk ġieli qaluli tistaqsix il-għala imma staqsi x’se tagħmel.

    Ma nafx. Inħoss li jekk ma nifhimx il-għala, diffiċli nfassal pjan u nieħu azzjoni.

    Naf li mhux dejjem faċli ssib ir-raġuni għala l-affarijiet qegħdin hekk u mhux mod ieħor. U nifhem ukoll li ġieli t-triq biex tasal għall-għeruq ta’ problema jew sitwazzjoni tkun twila wisq.

    Imma mhux f’kollox. Dwar ċerti aspetti kulma trid tagħmel huwa li ma titlaqx minn preġudizzju. Jew minn pożizzjoni riġida. 

    Jekk nemmen li jien bilfors għandi raġun għax minn dejjem kont nahsibha hekk, allura probabbli ma nasalx. 

    Żewg teoriji

    Nitkellem dwar suġġett għal qalbi. Il-faqar. Jidher li fuq dan is-suġġett hemm pożizzjonijiet differenti. Mill-inqas żewg teoriji.

    It-teorija tax-xellugin u t-teorija tal-leminin. Ix-xellugin jgħidu li l-faqar huwa riżultat ta’ fenomeni strutturali. Fi kliem ieħor in-nies tispiċċa biċ-ċintorin issikat minħabba s-sistema ekonomika.

    Qed naraw, per eżempju, kemm hu diffiċli biex inċaqalqu ħarira l-paga minima minkejja li l-ekonomija sejra tajjeb u fl-istess waqt hemm studju li juri bl-iswed fuq l-abjad li bil-paga minima ma tistax tgħix.

    It-teorija tal-lemin hija li n-nies jispiċċaw fil-faqar tort tagħhom. Għax ma jistudjawx. Għax ma jafux jonfqu flushom. Għax għażżenin. Għax għandhom prioritajiet ħżiena.

    Min għandu raġun?

    Naf li jien xellugi. U ma nistħix ngħidha. Għalija xellugi tfisser persuna li temmen fil-ġustizzja soċjali. Persuna li qalbha tingħafas meta tara s-sinjur ikompli jiħxien u l-fqir ikompli jitgħattan.

    Madankollu l-fatt li jien xellugi ma jfissirx li bilfors għandi raġun fuq din tal-faqar.

    Imma jekk naraw kif jiċċaqalqu n-nies minn sitwazzjoni għall-oħra, nirrealizzaw li l-faqar huwa riżultat tas-sistema ekonomika. U s-sistema tas-suq isuq, li s-suq baqra sagra, qed tkompli tgħoddos ’l isfel lil min diġà qiegħed jegħreq. 

    Nieħdu per eżempju l-pensjonanti. għax numru sew minn dawk fil-faqar huma pensjonanti. Lil xi ħadd li ħadem 40 sena b’ilsienu barra żgur ma tistax tgħidlu għażżien.

    Imma meta jispiċċa bil-pensjoni, l-iżjed jekk ma jkollux il-post tiegħu, aktarx li jkollu jmur iħabbat bieb Dar Papa Franġisku biex jiekol.

    Tgħidli tort tiegħu għax ma ġemmax. L-ewwel ħaġa min hu fuq paga minima jew ftit iżjed diffiċli jwassal sal-aħħhar tax-xahar aħseb u ara jġemma’. 

    U naf min poġġa xi ħaġa l-bank biex meta jirtira jkollu ftit imgħax kultant. Iżda llum l-imgħaxijiet saru ħaġa tal-imgħoddi.

    X’taħseb?