Ħtiġijiet bażiċi

    Minkejja li għandu ħbieb tat-tajjeb, professjonisti b’żewg kunjomijiet b’arblu tar-razza ma jispiċċa qatt, nippreferi nagħmilha ma’ Noel u Jeffrey, Tania u Maria.

    Nies li jaqilgħuha u jikluha, meta jaqilgħuha. Jeffrey dan l-aħħar telaq mix-xogħol għax ma felaħx jistaporti aktar. U qalli li għax telaq hu, ma huwa intitolat għal xejn. 

    Maria taħdem b’ilsienha barra. għaddiet minn żminijiet diffiċli fiż-żwieg, u biex tmantni lil uliedha bħala single mother, jekk ikun hemm siegħa saħra tidhlilha bir-ras.

    Imma xorta bil-paga minima bilkemm twassal sal-aħħar tax-xahar.

    Imbagħad hemm Toni, għax kont se ninsieh. Illum qabez is-sebgħin sew imma għadu jagħmel part-time. “B’pensjoni waħda impossibbli tgħix”, jgħidli kull meta niltaqa’ miegħu. 

    JAQBADNI L-BIKI

    Bħal dawn in-nies hemm eluf. Ma nafx ezatt kemm. Imma naħseb kulħadd jaf lil xi ħadd, li minkejja li ma jorqodx Dar Papa Franġisku, isibha diffiċli biex imur jieħu pizza mal-familja imqar darba fix-xahar.

    U jaqbadni l-biki meta naqra dwar in-nies li jmorru jħabbtu l-bieb tal-Food Bank immexxi minn Rev. Kim Hurst tal-Knisja tal-Iskoċċizi. L-istess dwar dak li Sibt wara Sibt imorru għal xirja għand Fr. Hilary l-Millennium chapel.

    Talanqas fil-jiem li għaddew kellna l-aħbar tajba li l-Food Bank mhux se jagħlaq għalissa għalkemm għadda minn żminijiet diffiċli. 

    Grazzi għal ftit kumpanniji b’kuxjenza soċjali, għax-xahrejn li gejjin se jibqa’ jitma’ lil min hu bil-guħ.

    U by the way, dawk li jaħsbu li l-immigranti biss qed imorru jħabbtu l-bibien ta’ dawn l-istituzzjonijiet, għandu żball oħxon.

    ĠUSTIZZJA SOĊJALI

    Il-karità sabiħa. Imma hemm bzonn nagħmlu qabza fil-kwalità. Hemm bzonn nibdew nitkellmu aktar fuq il-ġustizzja soċjali. F’moħħi tiġini l-frażi li kien iħobb juża l-eksPrim Ministru Alfred Sant, “ħadd mhu għar-rimi”.

    U la l-ekonomija sejra tajjeb irridu nimpennjaw ruħna ħalli jkollna ġustizzja soċjali bis-serjeta’. Biex il-ġid jitqassam aħjar. Biex ħadd ma jibqa’ lura.

    Aktar ma toqrob l-elezzjoni aktar irridu noħorgu b’ideat ħalli nassiguraw li talanqas kulħadd ikollu ħtigiet bażiċi assigurati. Ikel sustanzjuz fuq il-platt u residenza diċenti. 

    Qed nitlob wisq?