Wasal il-Milied

    Suppost hi festa ta’ paċi, trankwillità u hena. Sfortunatament illum dawn il-valuri m’għadhomx jappellaw u llum il-Milied sar okkażjoni oħra ta’ kummerċ u konsumiżmu sfrenat.

    Illum spiċċa ż-żmien li nsib il-hena tiegħi fil-paċi u t-trankwillità. Illum biex jien nuri li jien ferħan, irrid nagħmel l-istorbju, irrid nisker u rrid nonfoq kulma jkolli.

    Dan ifakkarni fiż-żminijiet imoddijja meta konna naraw il-film tal-cowboys. Kienet ħaġa komuni li f’dawn il-films kien ikun hemm xena tal-Indjani jiċċelebraw billi jinżebgħu, iwerżqu u jiżfnu bħaż-żfin tal-lum, u qabel ma jaħlu l-enerġija kollha tagħhom ma jieqfux. Konna ngħidulhom slavaġ. Minflok aħna tajnihom il-valuri tagħna ta’ paċi u trankwillità, ikkoppjajnihom. Dan ma narawx biss fil-Milied iżda f’kull okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni, tkun xi tkun.  

    Valur ‘il fuq mill-oħrajn

    Wieħed mill-valuri li nużaw illum biex nuru li qed niċċellebraw u aħna ferħanin hu li nikkonsmaw kemm nifilħu. Aktar ma jkollna l-borża taż-żibel kbira aktar nuru kemm iċċelebrajna u kemm għandna status għoli. Dan hu l-valur l-aktar importanti tal-lum. F’din is-sitwazzjoni il-konsumatur ma tantx għandu għażla kif jimxi. Jekk ma jimxix mal-merħla jkun meqjus stramb u jiġi mwarrab mis-soċjetà. 

    Minkejja dan, xorta nemmen li kull wieħed minna jista’ jikkontribwixxi biex ma nħallux lilna nfusna u lis-soċjetà titkaxkar ma’ dan il-mewġ. Waħda mill-affarijiet li nkunu qed nagħmlu f’din id-dagħdija hu li nixtru r-rigali. Se niffoka fuq ir-rigali tat-tfal. Dan għaliex ir-rigali li qed nagħtu lit-tfal barra li qed jiffurmaw il-karattru tagħhom qed jinbidlu bil-kbir.

    Fejn qabel ġugarell kien xi ħaġa li jgħinek biex tiżviluppa ruħek billi tużah b’modi differenti biex toħroġ il-ħiliet tiegħek, illum ħafna ġugarelli jiffurmaw lilek mingħajr ma tkun qed tittendi. Qabel din il-ħaġa kienet tidher u għalhekk aktar kienet xi ħaġa ikkontrollata.  

    Jekk nieħdu l-ġugarelli tas-subien l-aktar oġetti li kont issib bħala ġugarelli kienu l-karozzi, blalen, xkubetti jew revolvers u suldati.  Aktar ma għadda ż-żmien l-aħħar tnejn inqatgħu għal kollox. Ir-raġuni kienet li l-valur tal-paċi, speċjalment fis-sittinijiet u sebgħinijiet kien kaxkar lil kulħadd għalkemm f’Malta il-valur tal-paċi kien assoċjat aktar mal-ideat xellugin milli ma xi ħaġa oħra.  In-nies kienu ittendew li l-aħħar żewġ tip ta’ ġugarelli kienu qed jiffurmaw lit-tfal ħażin.  

    Wara l-bidu tas-seklu l-ġdid, l-aktar ġugarelli popolari mas-subien bdew isiru logħob b’apparat elettroniku. Dan infirex biex jinkludi wkoll lil bniet. Biss ma din il-bidla ċerti affarijiet nħbew. L-enfasi kienet li dan il-logħob kien qed jipprepara lit-tfal għad-dinja ta’ għada peress li kulħadd għaraf li l-affarijiet elettroniċi, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar kienu se jiddominaw kull ħaġa oħra fid-dinja.  

    Dan kien aspett pożittiv u importanti għaliex illum it-tfal mhux talli draw dan il-logħob, iżda saru iħossu kull ħaġa elettronika bħala estensjoni tagħhom stess. Biss bħal kull ħaġa oħra inħbew ċerti affarijiet. Jekk wieħed janaliżża ħafna mil-logħob li hemm f’dawn il-ġugarelli ma hu xejn ħlief sparar. Il-messaġġ hu wieħed ċar, biex timxi ‘l quddiem trid tispara. Ftit huma dawk il-ġenituri li ttendew b’dan.

    Is-suldati ħadu forma oħra.  Forom strambi forom aljeni. Biss xorta huma suldati, armati u jisparaw biex joqtlu. Il-messaġġ baqa’ bħal ma kien fi żmiena. Hemm bżonn li nerbħu l-ħażin u biex nagħmlu dan irridu nużaw l-armi. Għalhekk il-paċi għal ħafna biex tinkiseb trid tuża l-armi u tispara fuq min ma jaqbilx miegħek. Intilef il-valur li l-paċi vera tinkiseb billi nitkellmu ma xulxin u nifhmu lil xulxin.

    Ma jfissirx li ma hemmx logħob ieħor.  Hemm logħob fejn il-persuna li tkun qed tilab trid turi l-kapaċità tagħha billi tibni strutturi u bliet.  Logħob li huma possibbli minħabba l-possibiltajiet li jagħtu dawn it-tip ta’ strumenti elettroniċi. Logħob li min qed jilgħabu mhux biss juri l-ħiliet tiegħu li jibni xi ħaġa, iżda li juri u jiżviluppa l-ħiliet tiegħu sew ta’ strateġija u sew ta’ kreattitività – żewġ elementi li fid-dinja ta’ għada mhux biss se jkunu ħafna aktar importanti mil-lum, iżda se jkunu ppremjati ħafna.  

    Jien ċert li kieku l-ġenituri kienu ġew mgħarrfa b’dan kollu, żgur li kienu jassiguraw li tfal tagħhom jilgħabu dan il-logħob u mhux il-logħob normali.

    Ġugarelli ġodda

    Illum qed naraw żvilupp importani fil-ġugarelli għaliex illum dawn il-ġugarelli elettroniċi qed ikunu ħafna aktar interattivi minn qabel.  Dawn illum qed ikunu mqabbda mal-internet  barra li kapaċi li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz tal-inteliġenza artifiċjali li għandhom.

    Tip ta’ dawn il-ġugarelli ġew varati dan l-aħħar fi swieq żviluppati u għalkemm ma jidhirx li waslu fis-suq tagħna xorta tista’ tiksibhom permezz ta’ xiri onlajn. Għal bniet għandna żewġ pupi li kienu kisbu popolarita’ żmien ilu u tista’ tgħid tilfu l-attrazzjoni li kellhom. Illum dawn iż-żewġ pupi ġew żviluppati tali mod li kapaċi jżommu konversazzjoni mat-tfal. Dawn il-pupi biex jaħdmu jridu jkunu mqabbda mal-internet.  

    Għas-subien ġie mpoġġi fis-suq robot li wkoll hu kapaċi jitkellem mat-tfal. L-istess biex jaħdem irid ikun imqabbad mal-internet.  

    Żvilupp sabiħ, interessanti u li se jintroduċi t-tfal tal-lum li għada pitgħada se jkollhom iħabbtu wiċċhom ma robots li ser ikunu ħafna aktar komuni fid-dinja tax-xogħol.  

    Biss dawn il-ġugarelli għandhom tagħhom ukoll.  Id-difett kbir li għandhom hu nuqqas ta’ sigurtà għat-tfal u nuqqas ta’ privatezza barra abbuż mid-data.  Ara vidjow https://youtu.be/lAOj0H5c6Yc 

    Nuqqas ta’ sigurtà għaliex dawn huma faċli li jiġu hacked u xi ħadd permezz tat-telefon ċellulari tiegħu ikun jista’ jidħol f’konversazzjoni ma dawn it-tfal mingħajr mal-ġenituri jittendu. Nuqqas kbir ieħor li għandhom dawn il-ġugarelli hu xi ħadd ikun jista’ jisma’ dawn il-konversazzjonijiet u dak li jkun għaddej id-dar mingħajr ma ħadd ma jittendi.  Dan barra l-fatt li dawn il-konversazzjonijiet ikunu qed jintbagħtu ġo post l-Amerka.  Xi jsir minnha din id-data ħadd ma jaf għaliex tista’ tinbiegħ.

    Dawn huma nuqqasijiet serji ħafna li tajjeb il-ġenituri jkunu jafu bihom (ara http://camalta.org.mt/careful-internet-connected-toys/).  Veru ftit li xejn jistgħu jagħmlu barra li joqogħdu attenti. 

    Biss wara li dawn id-difetti sirna nafu bihom permezz ta’ ħidma mill-Kunsill Norveġiż tal-Konsumaturi Norveġiż, qed issir kampanja fil-pajjiżi Ewropej biex sew il-ġenituri u sew l-awtoritajiet fil-pajjiżi Ewropej ikunu jafu x’qed isir u fejn hemm bżonn jieħdu passi. 

    F’Malta għalkemm dawn il-ġugarelli ma jidhirx li daħlu fis-suq, l-Għaqda tal-Konsumaturi xorta qed ixxandar informazzjoni għaliex barra li dawn il-ġugarelli jistgħu jinxtraw fuq l-internet, għada pitgħada se naraw aktar minnhom.