Presidenza

    Dalwaqt tasal.  Għal ħafna ma tfisser xejn.  Dan għaliex ħafna drabi ninsew l-impatt li tkun membru tal-Unjoni Ewropea.  Wieħed mill-akbar impatti hu dak li jiġi deċiż fuq dan il-livell jorbot lilna wkoll.  Fil-fatt ħafna mil-liġijiet li jgħaddi l-Parlament kulma jagħmlu hu li jdaħħlu dawn id-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu fuq il-livell Ewropew fil-liġijiet tagħna.  

    Inqas ma nipparteċipaw u nieħdu sehem attiv fid-deċiżjonijiet aktar ikollna problemi bħala pajjiż għaliex dawk id-direttivi u regolamenti li jgħaddu ma jkunux adattati għal pajjiż bħal tagħna.  Malta, barra li hi l-iżgħar pajjiż fl-UE hi wkoll gżira.  U dawn jagħmluna partikolari ħafna.  

    Jekk nieħdu eżempju tas-swieq tagħna malajr nittendu kemm aħna partikolari.  Il-Lussemburgu hu pajjiż żgħir daqsna.  Iżda peress li hu magħqud tul il-fruntiera tiegħu ma’ pajjiżi oħra tal-UE, is-swieq tiegħu huma aktar kompetittivi.  Dan għaliex il-konsumaturi f’dan il-pajjiż kull ma jridu hu li jaqbdu l-karozza u f’nofs siegħa jkunu f’xi belt li toffri għażla lill-konsumaturi.  

    In-nuqqas ta’ kompetizzjoni hi problema kbira f’pajjiżna minħabba dawn iż-żewġ fatturi.  Biex naraw dan inħarsu ftit lejn it-tariffi li l-konsumaturi Maltin ikollhom iħallsu meta jagħmlu telefonata.  Naħseb ftit jirrealizzaw li hu aktar orħos li tagħmel telefonata minn pajjiż tal-UE lejn Malta milli tagħmel telefonata minn Malta għal Malta.  Jekk iċċempel lejn Malta minn wieħed minn dawn il-pajjiżi teħel 22 ċenteżmu kull minuta.  Jekk iċċempel minn Malta lil xi ħadd li qed Malta teħel 25 ċenteżmu! 

    Tgħiduli iżda x’għandha x’taqsam il-Presidenza ma’ dan kollu.  Tul il-Presidenza waħda mill-affarijiet li se jiġu diskussi hi dik tar-roaming charges li żgur li deċiżjoni fuqha se jkollha impatt qawwi fuq il-konsumaturi Maltin.

    Kwistjoni oħra importanti li se tkun diskussa hi dik li tissejjaħ ''geoblocking''.  Dan hu meta xi ħadd imur jixtri minn fuq l-internet u jidħol ġo site biex jixtri iżda meta jiġi biex jixtri jsib li jew ma tħallihx jew din is-site tpoġġih ġo site oħra tal-istess brand iżda site partikolari ta’ pajjiżu.  Dan għaliex is-sistema tagħraf minn fejn qed jixtri u ħafna drabi jekk ikun hemm din il-brand tinbiegħ ġo pajjiżu jsib li ma jistax jixtri mis-site ta’ pajjiż ieħor fejn il-prezzijiet ikunu orħos u jkun hemm għażla ta’ oġġetti u affarijiet akbar għal bejgħ.  Malta din hi xi ħaġa komuni li meta tmur tixtri online fuq xi site ta’ brand li jkun hemm ħanut tagħha Malta, ma tħallikx tixtri.  Il-moviment hu biex titneħħa iżda l-għaqdiet tan-negozji din ma togħġobhomx u qed jagħmlu minn kollox biex l-affarijiet ma jitranġawx u tfixkil lill-konsumaturi Maltin jibqa’ u huma jkomplu jgawdu .

    Dan barra li jmur kontra l-kompetizzjoni ġusta, imur ukoll kontra l-prinċipju ta’ Suq Wieħed li suppost hu wieħed mill-akbar vantaġġi li tkun Membru tal-Unjoni Ewropea.  Minħabba dan il-geoblocking il-konsumaturi Maltin qed isibu li minkejja li huma wkoll konsumaturi Ewropej huma kkundannati biex jixtru bi prezzijiet aktar għoljin u b’inqas għażla.  Hemm min jgħidlek li l-prezzijiet Malta huma ġusti għaliex l-importatur għandu spejjeż oħra.  Minn dan kollu l-konsumaturi Maltin ma jinteressahomx għaliex li jinteressahom hu li jieħdu l-aħjar valur għal flushom bħal konsumaturi Ewropej oħra.

    Hu minħabba dawn is-suġġetti li delegazzjoni mill-BEUC - l-Għaqda Ewropea tal-Konsumaturi ħmistax ilu ġiet biex tiltaqa’ ma’ Ministri Maltin biex waqt il-Presidenza dawn jagħtu importanza tal-interessi tal-konsumaturi.  Din id-delegazzjoni flimkien ma’ rappreżentanti tal-Għaqda tal-Konsumaturi fost oħrajn iltaqgħet mal-Ministru Helena Dalli li hi responsabbli minn dan il-qasam u ressaqnielha l-fehma tagħna fuq affarijiet li jolqtu lill-konsumaturi u li ser jiġu diskussi tul il-Presidenza.

    Hemm affarijiet oħra li jinteressaw lill-konsumaturi Maltin li ġew diskussi.  Wieħed jista’ jsib dawn il-punti fid-dokument li ġie ppreparat għal din iż-żjara fis-site tal-Għaqda http://camalta.org.mt/beuc-delegation-meet-malta-presidency/  

    Aspett ieħor

    Iżda l-Presidenza hi importanti minħabba aspett ieħor.  Dawk li jmorru fuq ix-xogħol relatat mal-UE jafu li minħabba l-manuvrar politiku lokali li sar fil-Parlament Ewropew u sew fil-Kummissjoni dan l-aħħar kontra ħatriet ta’ Maltin, il-fama tal-Maltin ħadet daqqa ‘l isfel.  Qed ngħid tal-Maltin għaliex huma l-Maltin kollha ta’ liema kulur huma li fuqhom intefa’ dell.  Dell mhux sabiħ, dell li mhux faċli li jitneħħa.  Dell li tana l-fama li aħna poplu li nħobbu nħawdu.  Dell li se jibqa’ jirrifletti fuqna l-Maltin, hu min hu fil-Gvern.

    Il-Presidenza tista’ tkun dik l-okkażjoni li dan id-dell jitneħħa.  Biss għandi d-dubji tiegħi għaliex il-passjoni politika f’Malta hi qawwija ħafna.  Bħal ma ġara qabel, ħsara tfisser ħsara lill-Maltin kollha u fuq tul ta’ żmien.  Bħal ma dawk li jagħmlu l-ġid lil pajjiżna ser jibqgħu mniżżla fl-istorja ta’ Malta, anki dawk li ser jagħmlu ħsara ser jibqgħu mniżżla għall-ħsara li jagħmlu.

    Bħalissa qed isiru sforzi kbar biex pajjiżna jmexxi din il-Presidenza b’suċċess.  It-tħejjijiet li qed isiru huma vasti u ma huma jħallu xejn taħt it-tapit.  Ix-xorti hi li għall-ewwel darba għandna Prim Ministru li hu konfidenti u li kien kapaċi mhux biss jintegra tajjeb ma’ mexxejja oħra Ewropej iżda minħabba l-alleanzi li bena hu kapaċi li jinfluwenza d-deċiżjonijiet Ewropej.  Din hi l-ewwel darba li ġara dan.  Qabel il-Prim Ministri li telgħu hemm kull ma kienu jagħmlu hu li jgħidu Iva għal kollox.

    Jekk din il-Presidenza tkun suċċess,  il-poplu kollu se jgawdi.  L-istess ser igawdu gvernijet futuri huma min huma.  Kulħadd igawdi jekk l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea juri li hu kapaċi li jmexxi daqs l-ikbar pajjiżi.