Difiża Ewropea?

    Żdiedu l-argumenti u l-pressjonijiet favur politika ta’ difiża Ewropea. Issaħħew minn meta l-Ingliżi vvotaw favur il-Brexit. L-argument qam li bit-tisħiħ ta’ difiża komuni Ewropea tista’ terġa’ tinkiseb rankatura għal għaqda akbar fl-Ewropa. Il-popli Ewropej se jkunu favur li jingħaqdu aktar fit-tħejjija u t-twettiq ta’ ħidmiet militari ta’ difiża.

    Il-pajjiżi li l-aktar qed imexxu dan l-argument huma Franza u l-Ġermanja. Hemm ukoll l-industriji tal-armamenti. Qed jargumentaw li fin-nuqqas ta’ miżuri kordinati fl-Ewropa dwar x’inhu meħtieġ bħala armi tad-difiża, huma qed jitpoġġew fi żvantaġġ mad-ditti li jipproduċu l-armi f’inħawi oħra tad-dinja. 

    Fl-Istati Uniti, il-kompetituri tagħhom jistgħu jiżviluppaw prodotti ġodda, b’rashom mistrieħa li se jkollhom bejgħ lest, fis-suq intern tagħhom. Id-ditti Ewropej le.

    L-argumenti u l-pressjonijiet li qed jinbnew huma perikolużi. 

    Fil-verità, l-Ewropa ma hi ffaċċjata mill-ebda theddida militari.   

    ****

    Il-Faxxiżmu bluha?

    Il-faxxiżmu mhux bluha. Hu ħidma politika konkreta li qed terġa’ tieħu l-ħajja wara li mmodernizzat ruħha.

    Qed issib appoġġi ġodda għax il-partiti tradizzjonali tax-xellug u tal-lemin mhumiex jirnexxilhom juru li jafu kif iħarsu l-interessi tal-ħaddiema u tal-klassijiet tan-nofs. Jew li għandhom ir-rieda jagħmlu dan.

    Quddiem il-progress tal-globalizzazzjoni, xellug u lemin donnhom ftehmu li m’hemm xejn x’tagħmel ħlief li tħalli s-suq isuq. 

     Sakemm dan ġab titjib fil-livelli tal-għajxien, donnu deher li din kienet strateġija tajba. Meta ċ-ċirkostanzi nbidlu għall-agħar u n-nies inqarset, donnu li x-xellug u l-lemin baqgħu imexxu soluzzjonijiet qodma li nħassu falluti.

    Mentri l-faxxiżmu post-modern dieħel bi proposti konkreti differenti. Inutli ngħidu kif se jdaħħluna fi sqaq. Ix-xellug għandu jagħmel proposti li jilqgħu għal tal-faxxiżmu fuq l-istess binarju tagħhom.

    ****

    Merkel

    Id-deċiżjoni tal-kanċellier Angela Merkel biex terġa’ tippreżenta ruħha bħala kandidata tal-partit tagħha għall-elezzjoni li jmiss ta’ kanċellier tal-Ġermanja intlaqgħet tajjeb.

    Bla dubju, Merkel tat prova fl-aħħar snin ta’ stil ta’ tmexxija li rnexxa. Ħlief fl-aħħar żminijiet, meta l-linja tagħha dwar immigrazzjoni qajmet kontroversji fil-Ġermanja u barra, il-popolarità tagħha baqgħet soda. Anki llum, jintqal kif kull mexxej ieħor min-naħa tal-lemin jaf kemm hu diffiċli ħafna li xi ħadd jikkontestaha b’suċċess.

    Intqal ukoll li Merkel tagħti l-aħjar garanzija ta’ stabbiltà quddiem it-theddida tal-partiti estremisti u “populisti”. 

    Dan l-argument jidhirli fjakk. 

    Kif qal l-eks-Prim Ministru Taljan Romano Prodi, il-politika ta’ awsterità nfurzata b’mod riġidu mill-gvern ta’ Merkel, sostniet id-dwejjaq ekonomiċi taż-żona ewro. Saħħnet lil miljuni ta’ ċittadini kontra l-mod kif qed titmexxa l-Ewropa. Hu dan li ta lok għall-instabbiltà tal-lum.