Ġustizzja, OneStopShop u ARMS

    Ġustizzja (2)

    Ftit ta’ ġimgħat ilu ktibt fuq il-ġustizzja.  Ktibt li fis-sistema tagħna hemm żbilanċ favur min hu ħati.  Din reġgħet dehret xi jiem ilu meta l-qorti kostituzzjonali ddeċidiet li qed jinkisru d-drittijiet tal-bniedem meta xi ħadd li jinstab ħati għal għomru l-ħabs ma għandux ċans ta’ parole.  Dan għaliex mhux qed jingħata t-tieni ċans.  

    Jekk tikkonsidra dan l-argument waħdu, probabbilment taqbel mad-deċiżjoni.  Biss jekk tistaqsi, il-vittmi ser jingħataw it-tieni ċans?  U hawn terġa’ tqum il-mistoqsija, hemm ġustizzja mal-vittmi?  Jekk hu impossibli li dawn jingħataw ċans ieħor għall-ħajjiethom, għallanqas min instab ħati tad-delitti ser jagħti kumpens ġust lill-qraba tal-vittmi?  Fejn huma l-bilanċ u l-ġustizzja?  Għalhekk nemmen li l-qrati tagħna mhux qrati tal-ġustizzja huma, iżda qrati tal-liġi. Il-ġustizzja trid tmur x’imkien ieħor biex issibha.  Fil-Qorti żgur li mhux se ssibha!

    One stop shop

    Waħda mill-affarijiet li tolqtok Malta li biex tinqeda għal xi ħaġa mis-servizz pubbliku kont trid tkun lest li se tieħu battikata tiġri minn Dipartiment għall-ieħor biex forsi tinqeda.  Din il-problema għadha mhux solvuta.  Biss saru passi kbar biex din il-problema tissolva.  Waħda mill-ewwel passi li ttieħdu kien li l-website tal-Gvern ikollha informazzjoni, wara kont tista’ timla xi formoli u tibgħathom onlajn.  Biss dawn kienu limitati speċjalment l-aħħar servizz peress li mhux kulħadd hu komdu li juża servizzi onlajn u kienu jitolbuk e-id li kienet taqta’ qalb ħafna nies.  

    Biss illum infetħu ċentri biex jaqdu n-nies.  Mill-esperjenza tiegħi jidhru li qed jaħdmu tajjeb.  Ħaġa li għenet ħafna kien li dawn iċ-ċentri għandhom sistema ikkompjuterizzata tajba li tagħtihom support.  Biss l-aktar ħaġa tajba li għandhom hi li kull talba li ssir għal xi servizz li tkun saret ma tintefax f’bir tas-skieken.  Dan għaliex bis-sistema li għandhom jaraw jekk il-persuna tkunx ingħatat l-għajnuna li tkun talbet mingħand id-dipartiment ikkonċernat u tibqa’ tiġi osservata sakemm il-persuna tingħata sodisfazzjon.

    Pass tajjeb li jekk jiġi kkuppjat f’affarijiet oħra jgħin ħafna.

    ARMS

    Jiddispjaċini li ma nistax ngħid l-istess għas-servizz tal-Customer Care tal-ARMS.  Lanqas tgħaddi minuta li ma tirċevix risposta li l-imejl tiegħek tkun waslet u li xi ħadd se jagħti kasha.  Biss is-sistema sa hemm taħdem tajjeb għaliex risposta sura ta’ nies għal mistoqsijiet li tkun staqsejt ma tieħux.  Jibagħtulek risposti u informazzjoni li int ma tkunx tlabt.  Fl-aħħar ikollok tħallas il-kont għaliex taf li minkejja li ma jkunux tawk l-informazzjoni ta’ xiex ikunu qed jiċċarġjawk, xorta jkollok tħallas il-kont għaliex jaqtgħulek id-dawl.  Taf li bis-sistema tal-smart meters illum hu faċli għalihom li jaqtgħulek id-dawl.  Dan qed ngħidu mhux biss mill-esperjenza tiegħi, iżda wkoll mill-ilmenti li ġieli nirċievu mingħand konsumaturi.  

    Dan hu ksur mid-dritt fundamentali li l-konsumatur għandu jingħata informazzjoni ta’ xiex qed ikun mitlub li jħallas.