FAQAR

    L-aktar nies fostna li nammira huma dawk li qed jimmilitaw kontra l-faqar. Hu suġġett li jqanqal simpatija imma li jħalli lil ħafna bierda, anke jekk jaqblu dwar il-ħtieġa li l-faqar jixxejjen.

    Mentri dawk li jisħqu fuq is-suġġett qed imorru kontra l-kurrent. Il-voga bħalissa hi favur is-suċċess u r-rankatura għal aktar suċċess. M’hemm xejn ħażin f’hekk. Dal-pajjiż kien ilu mill-bidu tal-millenju jimxi ’l quddiem billi jillipazza. Li issa qed iwettaq tkabbir reali li ilna għomor ma naraw mhix xi ħaġa li tħalli għaddejja qisu ma ġara xejn.

    Min-naħa l-oħra, baqgħet il-problema reali tal-faqar. (Mhux f’Malta biss – fl-Ewropa kollha.)

    Għamel tajjeb il-Primn Ministru Muscat li ma nħebiex wara subgħajh dwar dil-kwistjoni. Nhar il-Ħadd mexa fil-linja tal-NGOs ta’ kontra l-faqar u poġġa s-suġġett fuq il-quddiem tal-aġenda politika.

    Kienet mossa kuraġġuża. Se żżommna attenti għas-segwitu tagħha.

    ***

    CANADA DRY

    Il-ftehim tal-Kanada mal-Unjoni Ewropea dwar kummerċ u investimenti – is-CETA – jidher li hu salvat. Talanqas għalissa. Il-parlament reġjonali ta’ Wallonia fil-Belġju flimkien ma’ dak ta’ Brussell qablu ma’ dokument li jispjega kif is-CETA għandu jaħdem. Ivvotaw favur l-iffirmar tal-ftehim mill-gvern Belġjan.

    Kien dwejjaq li n-nuqqas ta’ ftehim qam dwar arranġamenti mal-Kanada, pajjiż mill-aktar simpatiku. (Għalkemm il-mod kif uħud fil-midja internazzjonali issa qed jissanktifikawh sar ftit ridikolu – ara l-Economist ta’ dil-ġimgħa bħala eżempju.)

    Biss id-dilemma fondamentali hemm tibqa’.

    Dawn l-arranġamenti li qed jitħasslu bejn blokki kontinentali f’kummerċ u investiment, lil min se jibbenefikaw? Jissemmew impjiegi, jissemma tkabbir ekonomiku eċċ eċċ.

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikolli naqbel ma’ dawk li jsostnu li se jibbenefikaw l-aktar il-kumpaniji transnazzjonali l-kbar.

    ***


    ĦDURA

    B’kumbinazzjoni jien u ngħarrex fil-Google, telgħu “postings” mis-sena 2008 ta’ esponenti Nazzjonalisti dwar l-iskandlu tal-Mistra li kont qajjimt fil-kampanja elettorali ta’ dik is-sena. Ma kontx rajthom qabel. Xorta għaġġbini l-livell ta’ ħdura li kien hemm fihom, l-aktar minn sors li m’hemmx għalfejn nippreċiża liema kien.

    Fl-istess waqt, spikka element komiku ħafna fil-qari ta’ din il-proża ħadra. Għal żewġ raġunijiet: għax wara li dehret, kien sar magħruf x’inhu għaddej minn taħt dwar dan il-każ fejn jien suppost kont qlajt ħama ta’ xejn b’xejn; u għax fis-snin ta’ wara, dawk li ddefendew bla skruplu lill-protagonist tal-iskandlu, daru kontrieh b’kull difer li kellhom, kif hu għamel fuqhom.

    Kif qal Keynes, f’perspettiva tat-tul inkunu lkoll mietna. Imma xorta l-proverbju Malti dwar kif iż-żmien jagħtina parir jibqa’ jolqot il-musmar f’rasu. Il-ħdura tista’ trebbħek, imma fl-aħħar, tispiċċa tifgak.