Din id-darba ser nikteb mhux fuq il-ġustizzja mal-konsumaturi, iżda in ġenerali.
Nieħu gost meta nara l-aħbarijiet u nara l-isforzi tal-gvern biex itejjeb l-affarijiet ħalli l-Qrati tagħna jkunu jistgħu jaħdmu aktar b’effiċjenza u għall-ġid taċ-ċittadini. Naf li sar titjib kbir fis-sistema tal-IT, il-kommunikazzjoni u issa anki tibdil ieħor biex jiżdiedu l-awli tal-Qorti.
Biss jiddispjaċini ngħid li dan it-titjib min-naħa tal-Gvern ma ġiex akkumpanjat minn xi titjib enormi minn ġewwa l-Qrati tagħna. Tajjeb li ngħidu li dawn ħadd ma jista’ jindaħallhom għaliex jaħsbu li huma allat – la ħadd jifhem daqshom u wisq anqas għandu jindaħallhom kif imexxu l-affarijiet. Jekk xi ħadd mill-Gvern iħares biss lejhom, jgħidu li qed jindaħallhom u jnaqqas l-imparzjalita’ tagħhom. Fil-fatt din hi waħda mill-ftit professjonijiet li tiġi regolata mill-professjoni stess. Din għalija hi xi ħaġa li turi li ma hemmx akkontabilita’ li hi fuq kollox l-bażi tal-ġustizzja.
Issa li semmejt ġustizzja ma nistax ma ngħaddix kumment. Kull meta ngħaddi quddiem il-Qorti nħossni insultat bit-tabella li hemm inwaħħla – Qrati tal-Ġustizzja (Courts of Justice). Dawn huma Qorti tal-Liġi (Courts of Law). Min qed jistenna li minn hemm ser toħroġ ġustizzja, hu mqarraq. Minn hemm toħroġ interpretazzjoni tal-liġi preżenti biss.
Tant hu hekk, li minħabba l-proċeduri burokratiċi li jintuzaw, it-tul tal-kawżi għadu twil wisq. Insemmi żewg każi fejn id-dewmien imur kontra l-gustizzja. Każ minnhom kont semmejtu xi żmien ilu meta ħaddiem jiġi akkużat b’xi reat. Id-dewmien f’dan il-każ hu inġustizzja kbira meta l-kawza titwal. Inġustizzja, għaliex barra aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-ħmieġ li jkun intefagħlu jeħel miegħu, meta l-ħaddiem ikun innoċenti ħafna drabi dan id-dewmin ifarrku personalment.
Dan l-aħħar kelllna każ tipiku, meta ħaddiem li ma nstabx ħati, wara snin sħaħ jistenna, issa ser ikollu jistenna madwar 4 xhur oħra biex jinqata’ l-appell. Jekk dan mhux martirju u inġustizzja, ma nafx x’inhu! Dan barra l-ħsara u t-tbatija li jkollhom jgħaddu l-familjari tal-ħaddiem speċjalment it-tfal.
Każ ieħor hu meta jkollok libell. Illum, jekk int trid tfarrak il-karattru ta’ xi ħadd hu ħafna faċli peress li wieħed jista’ juża l-mezzi elettroniċi moderni. B’dan il-mod, il-messaġġ tiegħu jista’ jilħaq ħafna aktar nies mingħajr spejjeż u taħbit. Mela jekk irrid infarrak lil xi ħadd, kull ma għandi nagħmel hu li nivvinta xi ħlieqa fuqu, jew ninterpreta ħazin u b’mod malizzjuż xi ċirkostanzi u noħloq storja. Jekk il-vittma jtellagħni l-qorti, xorta tajjeb ser immur. Dan minħabba d-dewmien li jista’ jlaħħaq snin sħaħ biex tibda u tinqata’ l-kawża. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar aħjar għalija għax il-ħsara fuq din il-persuna li ħammigt ser tkun ħafna akbar. Barra minhekk, l-ammont ta’ multa li jekk niġi misjub ħati jkolli nħallas hi waħda redikola.
Biss il-libell jista’ jintuża wkoll jekk dak li jkun qed jintqal fuq il-persuna hu vera. F’dan il-każ il-libell tagħmlu l-persuna ‘vittma’. Bl-azzjoni tagħha din il-persuna tkun qed titfa’ dubju serju fuq min qed jikxef il-verita’. Anki f’dan il-każ id-dewmien jaqbel lil min hu ħati. L-ewwel raġuni hi li l-verita’ ddum ma toħrog. Raguni oħra hi li l-aktar li jiġi mġiegħel li jħalllas hu l-ispejjeż tal-qorti.
Dawn l-affarijiet jgħoddu għal kulħadd. Persuna li tkun meqjusa pubblika xorta, jekk mhux aktar, għandha bżonn din il-protezzjoni. Kulħadd jiftakar meta lejlet elezzjoni ġenerali xi ħadd qala’ ħlieqa kontra ieħor preċiżament lejlet elezzjoni biex żgur la jkun hemm ċans li jwieġeb u wisq anqas l-innoċenza toħroġ mill-qorti.
Personalment nemmen li l-liġijiet għandhom bżonn jinbidlu serjament u nibdew nagħtu kas l-interessi tal-vittma. Is-sistema tal-lum hi ffukata li tara li min jiġi akkużat ikollu d-drittijiet tiegħu protetti. Dan tajjeb. Biss il-vittma hi minsija għal kollox. Meta persuna tkun ħaddiem, u dan ikun innoċenti iżda akkużat, hu l-akkużat li hu l-vittma u għalhekk għandu jingħata ġustizzja billi ismu joħroġ malajr mingħajr ħtija. Fuq kollox għandu jingħata kumpens minn min għamel l-akkuża falza.
L-istess fil-każ tal-libell. Il-piena m’għandhiex tkun waħda li tkun iffissata fil-liġi iżda skont il-ħsara li tkun saret lill-vittma. S’intendi jekk il-persuna tkun pubblika, il-ħsara tkun ħafna akbar u għalhekk il-piena għandha tkun adattata għal ħsara li tkun saret lill-vitma. Nemmen li min hu ħati jitgħallem li ma jaqbillux li jerġa’ jikser il-liġi mhux billi nħalluh ġo ċella l-ħabs. Dan jitgħallem biss meta b’xogħlu jkun ħallas għall-ħsara li jkun għamel. Hu sakemm iħallas għal dan li kull fil-għaxija għandu jirrapporta l-ħabs. Il-bqijja tal-ħin għandu jaħdem sakemm iħallas kollox.
Hu biss meta l-qrati tagħna u l-professjoni legali tibda tagħti importanza lill-vittma li tikseb rispett għaliex filwaqt li tinterpreta l-liġi, tkun ukoll twettaq ġustizzja mal-innoċenti jew il-vittmi.