Diskussjoni

    Jiddispjaċini li lbieraħ kelli impenji oħrajn u ma smajtx nisma' t-tweġiba tal-Prim Ministru fil-Parlament għal dak li kellu xi jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġurnata ta’ qabel.

    Minkejja li kulħadd jaf lili fejn inxaqleb politikament, ma nħossx li għandi nidħol fil-logħba partiġġjana. 

    Madankollu kulħadd jaf li l-politika hija importantissima u jekk irridu naslu x’imkien, fiż-żmien li qed ngħixu fih, bilfors irid ikollna strateġija politika fis-sens wiesgħa tal-kelma.

    Għalija politika tfisser il-proċess li bih jittieħdu – jew ma jittiħdux – id-deċiżjoni li jaffettwaw lin-nies fil-ħajja ta’ kuljum.

    Paga Minima

    Wara dik l-introduzzjoni kemm xejn twila, ngħid li ħadt gost naqra li l-Prim Ministru reġa’ tenna li wasal iż-żmien li jkun hemm diskussjoni sħiħa dwar il-paga minima.

    Paga li huwa ċar li mhix biżżejjed biex il-ħaddiema jgħixu ħajja diċenti. L-istudju tal-Caritas juri bl-iswed fuq l-abjad kemm min jgħix bil-paga minima ma jistax jaspira li jkollu ħajja deċenti.

    U dan jirrikonoxxih kulħadd. Jew kważi. 

    Illum anke l-Gvern qed jaċċetta din it-teżi li bil-paga minima tgħix fil-faqar għax kieku ma daħħalx l-in-work benefit u benefiċċji oħrajn għal dawk li bil-paga biss mhumiex ilaħħqu.

    U jekk ...?

    M'hemmx xejn ħażin li niddiskutu. Anzi. Nieħu gost li flok bqajna nitkellmu jekk il-ġid hux qed jinżel s’isfel nett, bdejna niddibattu kif se ngħinu lil din il-faxxa ta’ nies, la darba l-ġid li jinħoloq mhux jilħaqhom.

    Nammetti bla tlaqliq li jien diġa’ għandi pożizzjoni ċara. Li l-paga minima għandha tiżdied. U fuq din in-naħa tad-dibattitu jidher li diġà hemm numru mhux ħażin ta’ għaqdiet, l-aktar dawk li jaħdmu maż-żgħar u l-batuti.

    Min-naħa l-oħra se jkun hemm dawk li se jġibu d-dinja fit-tarf. Dawk li se jgħidulna li l-ekonomija ma tiflaħx għal din iż-żieda. Minkejja li niftaħru kemm l-ekonomija sejra tajjeb.

    U ma naħsibx li huwa faċli li jintlaħaq konsensus. Nittama biss li ħadd ma jkollu veto.

    Fl-aħħar mill-aħħar hija responsabbiltà tal-gvern tal-ġurnata li mhux biss jisma’ imma li jiddeċiedi. Fl-aħjar interess ta’ kulħadd.