Tribujiet

    Minkejja li issa ilna biċċa mhux ħażin li bdejna s-seklu 21, xorta nħoss li fadal wisq firda. Min ħolom b’nazzjon wieħed vera kien qed joħlom. Għax żewġ tribujiet konna u żewġ tribujiet għadna.

    Hawn min jaħseb li l-qasma hija fuq il-kulur. Aħmar jew blu. U hawn min jaħseb li l-qasma hija bejn ir-razez. Il-Maltin u l-oħrajn kollha. Iżda jien il-qasma naraha mod ieħor.

    Għalija l-qasma vera hija bejn dawk li għandhom u dawk li m’għandhomx. Dawk li jimpalawhom u dawk li jaqilgħuha u jikluha. Meta jaqilgħuha.

    Ma nistax ngħid li f’xi aspetti ma mxejniex ‘il quddiem. U li l-gvern ma ħax passi. Bħal ngħidu aħna l-ħolqien tax-xogħol. L-in-work benefit. Iċ-childcare b’xejn għall-ommijiet li jaħdmu. Eċċetra.

    Imma, għax dejjem trid tidħol il-misħuta imma, naħseb li ilu li wasal iż-żmien li nitkellmu aktar fuq il-kwalità tax-xogħol milli fuq il-kwantità. Hemm bżonn nitkellmu fuq kollox fuq ir-realtajiet ta’ dawk li ma’ kull ġurnata li tgħaddi jsibuha aktar diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja.

    Klassijiet

    Sfortuntament għad fadal min jiddarras meta jisma’ lil xi ħadd jitkellem fuq il-faqar. Fuq dawk li għal xi raġuni jew oħra mhumiex ilaħqqu mal-ħajja. Mal-prezz tal-ikel. Mal-kirjiet. U mal-prezzijiet tal-mediċini li ma tistax iġġibhom la bil-kartuna r-roża u lanqas bil-karta s-safra.

    Nagħmilha ċara li meta nitkellem fuq il-faqar m’iniex ngħid kontra l-Gvern. Imma kontra s-sistema globali mibnija fuq in-neoliberaliżmu. Fuq is-suq ħieles li kważi kważi lanqas jidħollok f’moħħok tikkritikah, aħseb u ara b’xi mod tirregolah.

    Tal-anqas daż-żmien tieħu gost tisma’ esponenti ewlenin tal-Gvern jitkellmu dwar il-ġustizzja soċjali. Dwar kif il-ġid li jinħoloq irid jitqassam fost il-kategoriji kollha tas-soċjetà. Dwar kif xogħolna huwa li niġġieldu l-faqar.

    Ma jistax ikun li jkollna tribù żgħir mejjet fis-sakra u tribù ieħor ħafna akbar li jkun mejjet għall-qatra.

    Kif?

    Il-mistoqsija hija kif se naslu biex il-ġid jilħaq anke lil dawk li jinsabu n-naħa t’isfel. Veru li x-xogħol u l-edukazzjoni huma ċwievet importanti. Imma mhux biss.

    Minkejja li issa ilna s-snin bl-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd u li qatt ma kellna nies jaħdmu daqskemm għandna llum, xorta għad hawn nies li mhux qed ixxommu l-ġid li qed jinħoloq.

    Jekk se niddemonizzaw u nikkriminalizzaw lil dawk li jaqgħu lura, allura diffiċli nitkellmu fuq ġustizzja soċjali. Veru hawn min jabbuża, imma dan l-abbuż insibuh fl-istrati kollha tas-soċjetà. U probabbli aktar ma tkun ‘il fuq, akbar ikun l-abbuż.

    Filwaqt li nibqgħu ninvestu fl-edukazzjoni u x-xogħol, irridu naraw li kulħadd ikollu ħajja diċenti. Ma jistax ikun inħallu lil dan il-ġens jispiċċa f’żewġ tribujiet. Dawk li jieklu u dawk li jittewbu. Dawk li għandhom il-high-rises u dawk li lanqas għandhom saqaf fuq rashom.

    Hemm ħafna x’jista' jsir u l-għaqdiet li jaħdmu ma’ dawk l-aktar vulnerabbli m’għandhomx jibqgħu lura milli joħorġu bi proposti ħalli bis-serjetà nkunu nistgħu ngħidu li Malta tagħna lkoll.