Ġurnata Għawdex

    Għall-biċċa l-kbira tagħna l-Maltin, ġurnata Għawdex hija l-anqas ħaġa. Anzi meta nkunu qed naħsbu fejn sejrin għall-vaganzi, aktar naħsbu f’Ruma jew Londra milli f’Marsalforn. U la l-ekonomija sejra tajjeb, flok ġimgħa nagħmlu ħmistax.

    Xejn ħażin. Wara kollox ħaqqna nistrieħu ftit u naqtgħu r-rutina stressanti ta’ kuljum. Fil-fatt waħda mill-mistoqsijiet li jiddeterminaw jekk intix fil-faqar jew le hija jekk taffordjax ġimgħa vaganza xi mkien. Mhux ġurnata. Ġimgħa.

    Għal ħafna, l-aktar dawk li ħobżhom maħbuż u żejthom fil-kus, min imur vaganza qed jagħmel kapriċċ. Għax bħal donnu n-nies jeħtieġu biss biċċa ħobż u saqaf fuq rashom. Kull ħaġa oħra hija żejda. Anzi kien hemm min qal kapriċċ.

    Ġudizzju u preġudizzju

    Imma aħjar nibda mill-bidu. Nhar il-Ħadd, 7 ta’ Awwissu, 2016, fil-gazzetta “ILLUM” dehret storja dwar omm ta’ erbat itfal li tgħix fil-faqar. U bħal kull darba li tidher xi storja bħal din, kulħadd lest li jikkummenta.

    Min staqsa għalfejn għandha erbat itfal. U min staqsa għala ma tagħtihomx għall-fostering. Bħallikieku kienu qtates.

    Ovvjament kulħadd jgħid tiegħu. L-importanti għal ħafna mill-Maltin hija li nwaħħlu l-faqar fil-fqar. Insomma mhux il-Maltin biss. Għax din jidher li hija parti minn strateġija maħsuba minn dawk li għandhom l-għan li jmexxu l-idea tan-neoliberaliżmu. Kulħadd għandu l-istess ċans li jsir miljunarju u kulma trid hija naqra aspirazzjoni u ftit motivazzjoni.

    Il-ġudizzju u l-preġudizzju huma l-ordni tal-ġurnata. Anke minn dawk li jemmnu li Ġesù qalilna ma niġġudikawx għax niġu ġġudikati.

    Appell

    Din l-omm fl-intervista esprimiet ix-xewqa li tieħu t-tfal ġurnata Għawdex u fuq hekk ġiet ikkundannata aktar milli l-Fariżej ikkundannaw lill-Madalena. Imma ma jimpurtax. Għax jitfaċċaw erbgħa, li xi ħadd sejħilhom immaturi, li qed jaħdmu biex iwettqu l-ħolma ta’ din l-omm.

    U permezz tal-Alleanza Kontra l-Faqar qed isir sforz biex jinġabru l-flus ħalli tinqata’ x-xewqa ta’ din l-omm. Il-mira hija li tinġabar is-somma ta’ €300 biex il-ħolma ssir realtà. Jekk l-ispiża ta’ ġurnata Għawdex tkun anqas, kif aktarx tkun, il-bqija jingħatawlha f’xirjiet.

    Jekk tixtieq tgħin, kulma għandek tagħmel huwa li tibgħat ċekk, żgħir kemm hu żgħir, lill-Alleanza Kontra l-Faqar, c/o 5, Sqaq Nru 2, Triq il-Kbira, Naxxar NXR 1821 jew inkella tagħmel depożitu fil-kont tal-bank tal-Alleanza: BOV Bank Account Number 40021952508.

    P.S.

    Persważ li hawn biżżejjed erwieħ tajba li għadhom ikantaw l-innu:

    Tagħder qalbna l-ġuħ u l-faqar,

    Dmugħna jkun għall-imnikktin,

    Sew ħilitna, kemm saħħitna,

    Hienja nagħtu għall-fqajrin.