Bank għall-fqar

    L-anqas ħaġa li nifhem fiha hija l-banek. U ngħid is-sew lanqas wisq jinteressawni. Fejn jidħlu l-flus u l-immaniġġjar tagħhom jien ebete. Għalhekk fuq dak li se nikteb illum nista’ nieħu falza stikka jew tnejn.

    Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li nemmen li b’xi mod għandu jkun hemm bank għall-fqar. U nittama li fil-manifesti elettorali tal-elezzjoni li ġejja jkun hemm xi partit li joħroġ b’din il-wegħda.

    Eħe. Għax il-banek mhumiex qegħdin hemm biex dawk li jaqilgħuha u jikluha jpoġġu flushom hemm b’imgħax ta’ wieħed fil-mija biex imbagħad il-bankiera jsellfuhom lit-tfal tal-istess depożituri b’xi 4% jew 5%.

    Nifhem li l-banek iħaddmu n-nies u x-shareholders iridu jagħmlu l-qligħ. Imma ma naħsibx li nkun qed niżgarra li l-qligħ ġeneralment isir minn fuq iż-żgħar u dawk li m’għandhomx flus biżżejjed biex ipoġġuhom f’xi rokna mwarrba tad-dinja.

    Fil-mira

    F’dawn l-aħħar ġimgħat il-banek donnhom spiċċaw fil-mira. Il-Prim Ministru kkritikahom għal darba, tnejn. Hu akkużahom li qed jagħmlu l-ħajja tal-klijenti tagħhom diffiċli bla bżonn. Jekk fhimt tajjeb, il-Prim Ministru kien qed jirreferi l-aktar għan-negozjanti ż-żgħar, mhux għal Ċikku l-Poplu.

    L-eks Prim Ministru u Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant ukoll qal tiegħu fuq il-banek.

    Fost affarijiet oħra Sant qal li “baqgħet ma ngħatat l-ebda tweġiba sodisfaċenti għall-mistoqsija jekk il-banek ewlenin humiex japprofittaw ruħhom mill-qagħda finanzjarja inġenerali billi naqqsu bil-kbir ir-rata tal-imgħax fuq dak li jissellfu mingħand depożitanti. Għamlu hekk mingħajr ma naqqsu kemm suppost l-imgħax fuq dak li jsellfu.”

    Ferita gravi

    Iżda interessantissmu dak li kellha xi tgħid l-Avukat Anna Mallia f’ “L-ORIZZONT” tal-Erbgħa 20 ta’ Lulju, 2016. Għalija Anna Mallia misset ferita gravi meta qalet li f’Malta għandna bżonn bank tal-fqar.

    Hija spjegat kif hawn min ma jistax jissellef somma relattivament żgħira mill-bank u qed ikollu jbigħ daru biex iħallas il-ftit dejn li jkollu. U jien inżid li darba tbigħ darek biex tħallas id-dejn, se jkollok garanzija li se tkompli togħdos fil-faqar.

    Min jaf kieku l-Gvern, il-Knisja u l-Privat jitħajru biex jibdew bank bħalma qed tissuġġerixxi Anna Mallia? Kif spjegat hija stess, ma nkunux qed nivvintaw ir-rota għax diġà jeżistu mudelli simili f’pajjiżi oħra mferrxa mad-dinja.

    Tgħid x’jista’ jżommna?