Itma' lil min hu bil-ġuħ

    Snin ilu, bilqiegħda komdi fuq is-sufan, konna nitkellmu fuq ir-rivoluzzjoni. Il-bidu ta’ era ġdida fejn il-bnedmin ikunu sidien ta’ ħajjithom. Fejn kulħadd jagħti dak li jista’ u jieħu dak li jinħtieġ.

    Imma l-kliem baqa’ kliem. Anzi. Fejn suppost kienet għaddejja r-rivoluzzjoni, l-aħbarijiet ma tantx kienu sbieħ. U l-ħolm naqra naqra beda jiżvinta.

    Illum, flok bilqiegħda fuq is-sufan qegħdin bilqiegħda quddiem xi kompjuter xi mkien. Kulħadd jiffilosofizza. Imma azzjoni ftit li xejn. Il-baħar li jikkumbatti bejn il-kliem u l-fatti donnu qatgħalna qalbna għalkollox.

    Neoliberaliżmu

    Is-sistema neoliberali belgħet id-dinja. Mill-Amerika kapitalista saċ-Ċina suppost komunista. Is-suq sar alla. U ħadd ma jista’ jikkritikah, aħseb u ara jisfidah.

    ’L hawn u ’l hinn tinbet xi tama. Bħal Bernie Sanders fl-Istati Uniti u Jeremy Corbyn fir-Renju Unit. U magħhom ma nistax ma nsemmix lill-Papa Franġisku.

    Imma aktar minn xemx, b’dispjaċir ngħid li aktar qishom xemgħat inemnmu fir-riħ. Għalkemm jitfgħu biżżejjed dawl biex nirrealizzaw kemm hu sfiq id-dlam li aħna mdawrin bih.

    Sadanittant

    Ma rridx ninstema’ negattiv. Jalla ż-żerriegħa li qed jiżirgħu nies bħall-Papa, Corbyn u Sanders tikber f’siġra kbira.

    Sadanittant, iżda, ma nistgħux indawru wiċċna għall-inizjattivi biex nitimgħu lil min hu bil-ġuħ, nisqu lil min hu bil-għatx u nipprovdu saqaf lil min m’għandux.

    Għalhekk fraħt meta l-ħolma ta’ Alf Mizzi & Sons li joffru ikel b’xejn lil dawk li m’għandhomx x’jieklu saret realtà bil-ftuħ tad-Dar Papa Franġisku f’126, Triq Fleur-De-Lys, Birkirkara.

    Anzi bis-saħħa tal-Caritas u l-Gvern, morna pass aktar ‘il quddiem. U din id-dar barra l-ikel qed toffri wkoll sodda għal min m’għandux saqaf fuq rasu, post fejn dak li jkun jista’ jinħasel u jaħsel il-ħwejjeġ.

    Iżda mhux biss. Se jkun hemm staff akkoljenti u se jara kif jista’ jgħin lill-individwi li għal xi raġuni jew oħra kienu kostretti jħabbtu l-bieb ta’ Dar Papa Franġisku.

    P.S.

    Dan ma jfissirx li m’għandniex inkomplu naħdmu biex ikun hawn aktar ġustizzja soċjali. Imma dawk favur soċjetà fejn il-ġid jitqassam b’ġustizzja m’għandhomx isibu x-xagħra fl-għaġina meta jkollna inizjattivi nobbli bħal Dar Papa Franġisku.