Soċjaliżmu tal-elites

    Skont George Orwell, diżilluż kif kien bil-gwerra ċivili Spanjola u s-sistema Sovjetika, kważi għalxejn nippruvaw neħilsu minn dawk li jisfruttawna. Għax malajr jitfaċċa xi ħadd ieħor biex jeħodlu postu. Fil-qosor din hija wahda mit-tagħlimiet li ħafna jisiltu mill-ktieb klassiku “Animal Farm”.

    Jidhirli li din – jekk niftakar sew – kienet l-istess konklużjoni ta’ Harold Robbins fil-ktieb “The Adventurers”. Ktieb li fi żmieni kien jaqrah kulħadd u wara sar film.

    U hawn ħafna li jemmnu din it-teżi. Li għalxejn teħodha kontra dawk li jiżirgħu l-inġustizzja għax kif teliminahom, jitfaċċa xi ħadd minflokom. U jista’ jkun agħar.

    Tama

    Għal snin twal is-soċjaliżmu kien ir-reliġjon tal-klassi tal-ħaddiema. Għalihom l-unika tama kienet li xi darba d-dinja ssir soċjalista. U tibda tirrenja l-imħabba għall-proxxmu, is-solidarjetà u l-ugwaljanza. Li hemm xaqq dawl għall-umanità.

    Imma fi żmienna qed naraw il-partiti soċjalisti jiżvinaw naqra naqra. U dawk li darba kienu fost l-akbar partiti fid-dinja, donnhom illum ma għadhom joffru xejn lill-klassi tal-ħaddiema.

    U għalhekk forsi bir-raġun il-Prim Ministru jgħid, “Qed nibża' li s-soċjaliżmu Ewropew sar soċjaliżmu tal-elites fejn m’hemmx ħafna x’tagħżel bejn il-konservattiviżmu Ewropew li huwa b’mod kważi naturali l-għażla tal-elites”.

    Iż-żaqq il-mimlija

    Kif jgħidu, iż-żaqq il-mimlija qatt ma għadret lill-vojta. U min hu hemm fuq, l-aktar jekk qatt ma inkwieta mnejn ġej l-ikel ta’ għada, diffiċli jifhem lil min jaqlagħha u jikolha. U dak li jgħodd għas-soċjalizmu Ewropew jgħodd għalina wkoll. Għax wara kollox aħna Ewropej ukoll.

    L-elitist Soċjalista Malti diffiċli jifhem lil min jgħix bil-paga minima. Lil min wara li jħallas il-kera, lanqas jifdallu biex jixtri biċċa laħam, aħseb u ara kemm se jixtri air-conditioner.

    Diffiċli jifhem lil min qiegħed fuq il-prekarjat u ma jafx jekk tliet xhur oħra hux se jkollu impjieg. Mhux biss, imma lanqas jista’ jieħu loan mill-bank biex forsi xi darba jkollu żewġt ikmamar tiegħu u jeħles mill-pjaga tal-kera.

    Diffiċli jifhem li minbarra l-morning after pill u d-dritt li l-artist jesprimi ruħu kif irid, hemm kwistjonijiet oħra importanti. Bħal dik ta’ persuna li għadha ħierġa mill-Faċilità Korrettiva u ma tistax issib taħdem għax għandha l-kondotta mċappsa.

    Lotta kontinwa

    Forsi l-kelma lotta hija naqra goffa. Imma ż-żgħar, il-vulnerabbli u l-esklużi jinsabu f’lotta kontinwa mal-ħajja ta’ kuljum. Fi kliem ieħor, struggle for survival. U s-soċjalisti mhux jeħduha kontra dawn iż-żgħar iridu. Mhux jgħajruhom bums u ħamalli.

    Imma jridu jifhmuhom. Iridu jkunu vuċi għal min m’għandux. U jridu jaraw li l-ġid tas-soċjetà jitqassam b’ġustizzja soċjali. Il-karità sabiħa. Imma dik miżura short term sakemm ikollna strutturi mibnija fuq il-ġustizzja soċjali.

    Ma jistax ikun min jgħum fil-flus u min lanqas għandu biex jixtri rigal ċkejken lin-neputija li se tiżżewweġ xahar ieħor. Jew min wara li jħallas il-kera ma jistax jixtri biċċa laħam għal uliedu u jispiċċa jitmagħhom għaġin kuljum.

    Inkella inutli noqogħdu nitbikkew għax l-Ingliżi vvutaw biex jitilqu mill-Unjoni Ewropea jew għax il-Faxxiżmu qed jgħolli rasu.

    Post Script

    U bħalma rridu nibqgħu nieħdu n-nifs, bħalma rridu nibqgħu dejjem naraw x’inhu l-aħjar għalina u għal uliedna, irridu nibqgħu naħdmu biex ikun hawn il-ġustizzja soċjali. Biex ma jkunx hawn soċjetà tal-allat u oħra tal-annimali.

    Eħe. Din hija lotta kontinwa oħra.