Hate speech

    Ma nifhimx għala kien hawn min ħadha bi kbira għax il-Prim Ministru meta tkellem f’Santa Venera nhar il-Ħadd, 19 ta’ Ġunju, qal li hemm bżonn li nies li jiżirgħu l-mibegħda jiġu iżolati.

    Xi ppretendew dawn it-talin ma nafx. Għax kull min għandu naqra melħ f’moħħu – u mhux mogħmi bil-preġudizzji – jaf li min jiżra’ r-riħ jaħsad riefnu.

    U tajjeb ngħid li Joseph Muscat kien qed jitkellem dwar il-qtil tad-Deputata Ingliża Jo Cox. Qtil li xxokkja mhux biss lill-Ingliżi imma lil dawk kollha li jemmnu f’soċjetà ċivilizzata.

    Dittatur

    Kien hemm min wara dan id-diskors tal-Prim Ministru akkużah li hu dittatur. U kien hemm min wera tħassib li dan id-diskors se jnaqqar il-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż.

    Jien m’iniex l-akbar ammiratur ta’ Joseph. Naċċetta li għamel affarijiet tajbin imma għamel ukoll affarijiet anqas tajbin. U ma nsibhiex bi tqila biex fejn ma naqbilx miegħu ngħidlu kemm pubblikament u kemm privatament.

    Imma jekk inhu kollox, dittatur mhuwiex. U probabbli qatt ma kellna gvern li jisma’ daqskemm għandna llum.

    Libertà tal-espressjoni

    Niġi għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Safejn naf jien dan id-dritt mhux assolut. Veru li l-persuna għandha dritt tgħid li trid. Imma b’ċerti limiti.

    Għax bħal kull dritt ieħor, id-dritt tiegħek li tesprimi ruħek huwa sagru. Imma mbagħad meta jibda jaħbat mad-drittijiet tiegħi, xi mkien trid tinqata’ linja.

    Għalhekk vera tal-biki li jkun hemm min jipprova jiddefendi diskors li jxerred il-mibegħda. Nifhem li l-bidla tbeżża’ lin-nies. U qed ngħixu f’soċjetà li, irridu jew ma rridux, tinbidel il-ħin kollu.

    Imma filwaqt li kulħadd għandu dritt jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu, min jirrikorri għall-mibegħda jkun qed jagħmel ħafna ħsara. Mhux biss lis-soċjetà imma anke lilu nnifsu.

    Ma ninsewx ir-regola tad-deheb. Agħmel lil għajrek dak li tixtieq li għajrek jagħmel lilek. U min jixtieq li xi ħadd ikeskes lill-oħrajn għalih?