Kelb tal-għassa

    Hawn min jgħid li llum il-partiti saru wisq ħaġa waħda mal-mexxejja tagħhom. Ma jidhirx li hemm distinzjoni bejn Joseph u l-Partit Laburista. U lanqas bejn Simon u l-Partit Nazzjonalista. Tal-anqas minn barra.

    Iżda din mhix xi ħaġa tal-lum. Mintoff kien l-MLP u l-MLP kien Mintoff. Tant li aktar kienet toħorġilna l-kelma 'Mintoffjani' milli 'Laburisti'.

    Li partit ikun magħqud hija ħaġa tajba. Għax mill-esperjenza nafu li aktar ma jibdew jidhru xquq, akbar huma ċ-ċansijiet li titlef l-elezzjoni. Ara xi ġralu l-partit ta’ Alfred Sant fl-1998. U l-istess nistgħu ngħidu għall-partit ta’ Gonzi fl-2013.

    Imma mbagħad l-estremi huma ħżiena. Li l-partit, il-partitarji, id-delegati jew il-kunsilliera jkunu hemm biex iċapċpu biss hija ħaġa assurda. Biex ma ngħidx traġikomika.

    L-istess nistgħu ngħidu għall-midja taż-żewġ partiti. Tiftaħ il-ONE jew in-Net u tkun taf minn qabel x’se jgħidu. Prietki għall-ikkonvertiti li jagħtuk l-impressjoni li l-partitarji huma koċċ pupi.

    Għassies

    Bdejt inħammem dwar dan meta qrajt x’kellu xi jgħid f’intervista fuq il-gazzetta “Illum” l-Avukat Stefan Zrinzo Azzopardi, wieħed mill-kontestanti għall-elezzjoni ta’ deputat mexxej tal-PL.

    Zrinzo Azzopardi qal ħafna affarijiet li naqbel magħhom. Bħal li l-partit irid ikun ħajt ta’ kenn għan-nies, fis-sens li meta jaraw li dak li għandhom dritt għalih mhux qed jeħduh, iridu jħossu li hemm partit bi strutturi li jkunu hemm forma ta’ għassies tal-gvern.

    Interessanti wkoll dak li kellu xi jgħid Zrinzo Azzopardi meta qal li x-xogħol li rridu nagħmlu bħala partit għandu jmur lil hinn mix-xogħol tal-gvern, filwaqt li reġa’ tenna li fl-istess waqt il-partit għandu jkun għassies jew ħajt ta’ wens għal-Laburisti.

    U jien inżid, mhux għal-Laburisti biss. Imma għal kull min qed ibati. Veru li l-Laburisti se jivvutaw fl-elezzjoni għal deputat mexxej tal-PL. Imma d-delegati tajjeb jifhmu li biex tintrebaħ l-elezzjoni ma tistax tibqa’ tappella għall-hard core biss.

    Juri snienu

    Xi ħaġa oħra interessanti li qal Zrinzo hija li jekk jiġi elett, biħsiebu jmexxi proċess fejn l-istrutturi tal-partit ma jkunux f’vakum iżda jirriflettu s-sentiment li jkun hemm barra.

    Huwa qal ukoll li, “Bil-partit gwardjan ta’ dak kollu li qed isir fil-gvern, għandu jkun hemm proċess li jsir kuljum fejn wieħed jindika b’mod sinċier u korrett fejn qed jeħlu l-affarijiet, u dan għandu jgħin anke lill-Prim Ministru li jkollu rispons importanti.”

    Fl-istess waqt imma rridu nżommu f’moħħna li l-partit mhux qiegħed hemm biex irebbaħ l-elezzjoni lil Ċikku flok lil Peppu. Ir-rebħ tal-elezzjoni mhux għan fih innifsu imma mezz biex naslu għal dak li suppost nemmnu fih. Fi kliem ieħor, biex noħolqu l-ġid u naraw li dan jitqassam fuq kulħadd b’ġustizzja.

    Il-partit ma jistax ikun poodle fidil. U għandu jkun lest juri snienu meta xi ħadd jiżgarra jew jorqod fuq xogħlu.

    Mhux inċensier

    Fuq kollox irridu nifhmu li l-partit mhux il-mexxejja u mhuwiex qiegħed hemm biex iservi ta’ inċensier.

    Tajjeb li nżommu dejjem f’moħħna x’kien qal il-mibki Ġużè Ellul Mercer. Li aħna m’għandna nkunu fil-partit għall-ebda raġuni oħra ħlief biex naraw li kull min twieled ta’ bniedem għandu dritt jghħix ta’ bniedem, jitgħallem ta’ bniedem u jaħdem ta’ bniedem, kemm jekk twieled bin il-għana u kemm jekk twieled bin il-faqar.