Il-Laburisti mhux kollha xjaten

    Isma’ dak li jkollhom xi jgħidu n-Nazzjonalisti u l-alleati tagħhom. U aktarx iva milli le, tieħu l-impressjoni li l-Laburisti kollha xjaten. Li jekk m'hemmx infern, Alla għad irid joħloq wieħed għalihom.

    Forsi qed niġġeneralizza. Imma jum wara jum, sena wara oħra, min isegwi l-media jew jaqra dak li jkollhom xi jgħidu fuq Facebook xi kapurjuni tal-PN, dejjem jispiċċa bit-togħma li d-dinja spiċċat f’Marzu tal-2013.

    Mhux biss, imma l-ħażen kollu li hawn fl-univers huwa tort tal-PL. Ibda minn Joseph u spiċċa f’Keith Schembri, biex ma nsemmux lil Konrad, Joe Mizzi, Manuel Mallia, eċċ.

    In-naħa l-oħra

    Madankollu din il-munita għandha naħa ohra. Tisma’ ċerti pampaluni Laburisti u dlonk jippruvaw jikkonvinċuk li x-xemx telgħet għall-ewwel darba fuq dan il-pajjiż f’Marzu 2013.

    Li m’aħniex mitt darba aħjar milli qegħdin illum tort tal-PN. Li l-25 sena li għamlu fil-gvern kienu diżastru. Li l-akbar skandli ġraw fi żmienhom. Li lin-Nazzjonalisti ma tistax tafdahom għax dawk kulma jridu huwa l-poter u xejn aktar.

    U nista’ nibqa’ sejjer. Imma m'hemmx għalfejn. Kull min isegwi x-xena politika lokali, anke mill-bogħod, jaf sewwa x’jien ngħid.

    Partiti

    Hawn toħroġ weħidha l-mistoqsija. Jekk nemmnu f’demokrazija, għalfejn bilfors irridu nisparaw fuq kull min ma jaqbilx magħna f’kollox? Għalfejn jekk tgħid dak li tħoss tiġi akkużat li qed tgħin lill-avversarji? Għala l-abjad ma tistax tgħidlu abjad għax xi ħadd fil-partit tiegħek qal li dak iswed?

    Kont ħsibt li meta xi ħadd bħal Joseph jibda jgħid li ma jridx ikun Prim Ministru ta’ żewġ tribujiet imma ta’ pajjiż sħiħ, din il-pjaga b’xi mod se tibda titfejjaq. Imma s’issa, almenu jien, mhu qed nara l-ebda progress.

    U kif kien qalli ekskandidat tal-PN, din is-sitwazzjoni qed tbiegħed l-aħjar elementi milli jidħlu fil-politika. Għax il-perċezzjoni tan-nies hija li l-politika maħmuġa u min qiegħed fiha – għajr forsi xi eċċezzjoni żgħira – qiegħed hemm biex iħaxxen butu.

    X’jista’ jsir?

    Ma naħsibx li għandi soluzzjoni. Forsi, wara kollox, lanqas hemm soluzzjoni imma soluzzjonijiet. Madankollu naħseb li tajjeb jekk l-ewwel u qabel kollox nibdew naċċettaw li bħalma hemm it-tajjeb u l-ħażin fil-partit tagħna, hemm it-tajjeb u l-ħażin fil-partit l-ieħor.

    Iva. Tagħna mhumiex kollha anġli u l-oħrajn mhumiex kollha xjaten.