Now you're talking

    Min kien jgħajjat bis-suq isuq, mhux Malta biss, kellu teorija interessanti. Li aktar ma tippompja flus lis-sinjuri, lill-investituri, lill-industrijalisti u lill-iżviluppaturi, dawn aktar itajru l-liri. U minn dak li jaqa’ mal-art, jiekol u jixba’ kulħadd. Anke Ġanni Borg.

    Xi mkien qrajt li din ma kienet teorija ġdida xejn. Għax fis-seklu dsatax kien hemm min kien qed jgħid l-istess affarijiet. Imma flok 'trickle-down economics' kienu jsejħulu 'horse and sparrow theory'. Aktar ma titma’ xgħir liż-żiemel, aktar hemm possibbiltà li xi xgħir jgħaddi mis-sistema diġestiva taż-żiemel u jibqa’ fil-wiċċ tal-pasta. U hekk l-għasfur tal-bejt isib x’jiekol.

    Imma sfortuntament, għalkemm il-pajjiżi kollha ggranfaw ma’ din it-teorija - l-aktar wara l-falliment tal-Unjoni Sovjetika u l-Patt ta’ Varsavja - il-fqar flok kielu aktar komplew jiftaqru. Sintendi s-sinjuri komplew jistagħnew.

    Il-kejk kiber, imma l-frak ma waqgħux mal-art.

    M’iniex ekonomista

    Jien m’iniex ekonomista. U għalkemm l-ekonomija togħġobni, ftit li xejn għandi ċans nistudjaha. Għax nippreferi naqra dwar l-istorja, il-ġrajjiet kurrenti u l-ispiritwalità, milli dwarha. Madankollu nifhem dak li hu attribwit li qal Bill Clinton: “It’s the economy stupid."

    Fil-fatt anke hawn xejn ġdid. Ma nafx jekk qrajtx jew qallix xi ħadd. Imma Marx mitt sena ilu kien diġà fehem l-importanza tal-ekonomija u kien isostni li dak li jagħmel sens ekonomikament jibqa’ imma l-ieħor jispiċċa.

    Fi kliem ieħor, ladarba f’San Valentinu nbigħu l-kartolini u l-ward aħmar, din il-festa tibqa’. Imma l-festa ta’ San Anton Abbati, ngħidu aħna, tiġi u tgħaddi mingħajr ħadd ma jinduna.

    Bis-sens

    Wara li kemm il-Papa Franġisku u kemm l-International Monetary Fund urew it-tħassib tagħhom dwar is-sistema ekonomika preżenti fid-dinja, ħadt gost nisma’ lill-Prim Ministru jieħu kważi l-istess pożizzjoni.

    Issa, kif jaf kulħadd, jien m’iniex l-akbar ammiratur tan-New Labour. Imma li hu bis-sens ma nistax ngħid li hu bla sens. U ma nħossnix tajjeb jekk min ħaqqu prosit ma nagħtihulux.

    Meta kien qed jitkellem fil-programm “Ħu Siġġu” li ġie trażmess fuq One TV nhar it-Tlieta 19 ta’ April, Joseph Muscat qal xi ħaġa li għandha timla bis-sodisfazzjon lil dawk kollha li togħkorhom għajnhom mit-'trickle-down economics'. Xi ħaġa li għandha timla bit-tama lil dawk li jemmnu fil-ġustizzja soċjali.

    X’qal

    Joseph Muscat qal li, “L-ekonomija ħafna drabi taħdem b’mod ta’ trickle-down. Jiġifieri għandek il-ġid li qiegħed fuq, imbaghad iqattar, iqattar, ‘l isfel. Ħafna drabi ta’ fuq jixorbu, tan-nofs jixorbu imma l-isfortuna f’din is-sistema hija li ta' taħt jispiċċaw ma jieħdu xejn.

    “U allura aħna, bhala soċjalisti demokratiċi, mhux nibqgħu nitfgħu fl-ekonomija sakemm forsi jieħdu ta’ taħt ukoll, imma nieħdu naqra minn fuq, jew naqra aktar, u nniżżluh taħt mill-ewwel biex ta’ taħt igawdi."

    Nittama li kulħadd jaqbel mal-Prim Ministru u meta niġu għas-si u n-no ma jkunx hemm min joqgħod jiġi b’ħafna skużi u jkaxkar saqajh.