Il-mewt u l-għomor

    Kull darba li nitkellem dwar il-priġunieri, dejjem jaqbeż xi ħadd fuqi u jgħidli għax ma titkellimx fuq il-vittmi. U probabbli jkollu raġun. Sew nitkellmu wkoll fuq il-vittmi. Ngħid għalija, qalbi toħroġ għal kull anzjana li tiġi misruqa. Jaqbadni l-biki nisma’ każi ta’ nisa msawta.

    Iva. Il-vittmi jridu jiġu megħjuna. Allaħares le. U min jagħmel xi ħaġa għad-dannu ta’ ħaddieħor għandu jħallas b’xi mod.

    Iżda hawn hu l-punt kollu. Imbilli nsakkrek xi mkien, xi tkun qed tħallas? X’se nieħu jien jekk min seraqni qiegħed maqful bejn erba’ ħitan? Mhux aħjar imur jaħdem u jirrikompensani?

    Qtil

    L-affarijiet jikkomplikaw ruħhom f’każ ta’ qtil. Isir xi jsir, il-vittma mhux se tinġieb lura. U min jasal biex joqtol żgur ma ħaqqu ebda midalja. Lanqas nistgħu ngħidulu (għax fil-biċċa l-kbira jkunu rġiel) “Ok ħabib, tagħtix kas. Dawn affarijiet li jiġru.”

    Għax is-soċjetà trid tipproteġi lilha nnifisha min-nies vjolenti. U meta ngħid is-soċjetà qed ngħid jien, int, dik u l-ieħor. Kulħadd. Mill-anzjan sat-trabi.

    Il-ħniena ma teliminax il-ġustizzja. Imma l-ġustizzja ma tistax tkun vendikattiva. Mhix qiegħda hemm biex tpattiha lil dak li jkun. Għax jekk nimxu bil-liġi ta’ għajn għal ghajn u sinna għal sinna, inkunu qed nagħmlu l-istess żball li għamel min ikkommetta d-delitt.

    Kattiverja

    Nitkellmu ftit fuq l-għomor. Ovvjament ħadd ma jintbagħat għomru l-ħabs għax dagħa b’Joseph jew waqqa’ siġġu fil-knisja. Imma serja kemm hi serja l-offiża, jien naqbel mal-Qorti Ewropea u mal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura.

    Ħadd m’għandu jintbagħat il-ħabs għal għomru mingħajr l-opportunità li f’xi żmien jew ieħor ikollu l-possibbiltà li joħroġ mill-ħabs. Fi kliem ieħor qed ngħid li meta l-Qrati jissentenzjaw lil xi ħadd għal għomru l-ħabs, fl-istess sentenza għandhom jgħidu li jkun eliġibbli biex japplika għall-parole, ngħidu aħna, wara 20 sena. Jew wara 25 sena.

    Nispera li jien ċar. Ikun eliġibbli li japplika. Mhux li joħroġ. Id-deċiżjoni mbagħad tittieħed minn nies kompetenti skont ir-rapporti professjonali li jkollhom dwar il-priġunier inkwistjoni.

    Ngħid dan ghax nemmen li hija kattiverja kbira li tidfen lil xi ħadd ħaj. U żgur mhix permessibbli f’soċjetà ċivilizzata li tikkundanna lil xi ħadd biex iqatta’ l-kumplament ta’ ħajtu ġo ħabs, mingħajr ebda tama li xi darba jista’ jara d-dawl ta’ barra.

    Maġġoranza

    Naf li l-maġġoranza ma jaqblux miegħi. Min għal raġuni u min għal oħra, ħafna huma dawk li jiddarrsu b’dak li qed ngħid. Imma ċ-ċiviltà mhux dejjem hija kwistjoni ta’ maġġoranza. Kieku r-riformi vera ma jsiru qatt.