The sound of silence

    Stenbaħt b’miljun elf ħsieb. Geġwiġija bla bidu u bla tmien. Minn “Silence is Golden” sa “Chi tace acconsente”. Minn x’inhu l-aħjar għalija, għall-familja u n-nazzjon, għal f’dan il-waqt kulħadd għandu jieħu pożizzjoni.

    U fl-isfond il-kliem tal-kapulavur ta’ Simon u Garfunkel, “The Sound of Silence”.

    And in the naked light I saw
    Ten thousand people, maybe more.
    People talking without speaking,
    People hearing without listening,
    People writing songs that voices never share
    And no one dared
    Disturb the sound of silence.

    "Fools," said I, "You do not know.
    Silence like a cancer grows.
    Hear my words that I might teach you.
    Take my arms that I might reach you."
    But my words like silent raindrops fell
    And echoed in the wells of silence...

    Lil hinn minn Konrad

    Dwar il-każ ta’ Konrad għamilt il-pożizzjoni tiegħi ċara. Jien naqbel ma’ dak li qalu Alfred Sant: “Fl-interess tiegħu, personali u politiku, fl-interess ta' familtu, tal-Partit Laburista u tal-gvern, kif ukoll fl-interess nazzjonali, id-deċiżjoni onorabbli malajr kemm jista’ jkun hi tal-Ministru Konrad Mizzi: li jirriżenja”.

    Imma l-istorja tal-Panama tmur lil hinn minn Ministru Kontrad Mizzi. Lil hinn minn Keith Schembri. Ħafna aktar lil hinn. U min qed jgħajjat ħafna b’korruzzjoni jrid jitkellem bħalma tkellmu Evarist Bartolo, Jeremy Corbyn, Bernie Saunders u oħrajn.

    L-aktar ħaġa importanti li qal Evarist Bartolo ma kinitx li kieku kien hu kien jieħu l-parir ta’ Sant. Ovvjament kien hemm min qabillu jibda l-istorja b’din il-frażi. Imma l-aktar ħaġa importanti li qal kienet dik li xi ġurnali għoġobhom jeditjaw.

    Li din mhix kwistjoni ta’ legali jew illegali. Imma kwistjoni li r-raġel u l-mara li jħallsu t-taxxa sal-anqas ċenteżmu bir-raġun iduru fuq dawk li qegħdin fil-ħajja pubblika u n-nies tal-flus u jistaqsu: Skużi, dan hemm liġi għall-allat u liġi oħra għall-anninali?

    Ir-rabja tal-poplu

    Laqatni dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn fil-Parlament Ingliż. Qal xi ħaġa fis-sens li bir-raġun il-poplu huwa rrabjat. Filwaqt li għan-nies komuni kien hemm biss awsterità u żieda fil-faqar, dan seta’ ġie evitat kieku s-sinjuri ħallsu sehemhom mit-taxxi.

    Corbyn kompla jgħid lill-Prim Ministru Ingliż li n-nies ordinarji jridu ġustizzja bis-serjetà; iridu lis-sinjuri jħallsu s-sehem tagħhom tat-taxxi bħalma jħallsu l-ħaddiema li jaħdmu iebes is-sena kollha.

    U, biex ma ntawwalx, nagħlaq b’dak li qal Bernie Sanders wara li nkixef dan l-iskandlu. Il-bidla sseħħ meta n-nies iqumu u jitkellmu. U jgħidu li l-istatus quo mhux jirnexxi. Li nistgħu nagħmlu aħjar.

    U jien inżid. Iva, nistgħu nagħmlu ħafna aħjar.