Pensjonanti u dinjitĂ 

    Temmen jew ma temminx f’Alla, naħseb mhux diffiċli li tammetti li kull persuna umana għandha d-dinjità tagħha. Kemm jekk hija Maltija u kemm jekk hija minn xi parti oħra tad-dinja. Kemm jekk tiekol is-santi u kemm jekk dieħla u ħierġa l-Faċilità Korrettiva. Kemm jekk twieldet ilbieraħ u kemm jekk qabżet l-età tal-pensjoni.

    Iżda din id-dinjità ma teżistix ġo vakum. Il-persuna, hi min hi, hu min hu, qed jgħix issa u hawn. U kull persuna għandha dritt għall-aktar htiġiet bażiċi. Il-ħtieġa li tiekol u tixrob u li jkollha saqaf fuq rasha.

    Bieb ma nsemmix il-ħtieġa li tkun tappartjeni lill-komunità li tgħix fiha. Għax l-eskluzjoni soċjali hija kattiva daqs in-nuqqas ta’ ikel. Immaġinak eżiljat ġo pajjiżek stess. Li m’għandekx flus lanqas biex toħroġ ma’ sħabek.

    Hemm ħafna ħtiġijiet oħra li mingħajrhom inkunu qed inċaħħdu lill-persuna mid-dinjità tagħha. Imma għal-lum insemmi dawn biss. U nirrepeti dak li kien iħobb jgħid il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Alfred Sant. Ħadd mhu għar-rimi.

    PENSJONANTI

    Fost il-kategoriji ta’ nies li l-aktar jinsabu f’riskju ta’ faqar insibu l-pensjonanti. Skont l-aħħar figuri uffiċjali, 14.9 fil-mija ta’ dawk li għandhom 65 sena jew iżjed jinsabu fil-faqar. Fi kliem ieħor, qed nitkellmu fuq aktar minn 12,000 ruħ.

    Imma l-istatistika qiegħda hemm biex tiġi interpretata. U tajjeb ngħid li meta nkunu qed nitkellmu fuq riskju ta’ faqar ħafna drabi nkunu qed nitkellmu fuq il-faqar.

    Mhux biss, anke dawk li ma jinqabdux f’din il-kategorija, jistgħu jkunu qed jgħixu fil-faqar. Nispjega. L-istatistika tieħu l-figura ta’ €7,672 fis-sena jew €639 fix-xahar bħala l-linja tal-povertà.

    Issa jista' jkollok €7,675, biex nghid hekk, u ghalkemm ma tidhirx fl-istatistika xorta ma tantx tista’ tgħix b’dinjità. L-aktar jekk ikollok xi €350 kera fix-xahar.

    Hemm ħafna aktar xi tgħid dwar id-dinjità tal-pensjonanti. Nies li ħadmu 40, 50 sena u llum dawk li qegħdin fuq pensjoni miżera jridu jġewżu biex iżommu ruħhom ma’ ġisimhom.

    Veru li bdejna niċċaqalqu imma personalment nemmen li għadna lura.

    TAĦDITA

    Il-problemi tal-pensjonanti fil-faqar se jkunu s-suġġett li se jiġi diskuss f’taħdita pubblika għada s-Sibt 2 ta’ April, 2016,  fl-10.30 am fiċ-Ċentru tal-Volontarjat, nru 181 Triq Melita, il-Belt.

    Il-kelliema ewlenin se jkunu Moses Azzopardi u Carmel Mallia, President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Pensjonanti u President tal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti, rispettivament.

    Din it-taħdita hija organizzata mill-Alleanza Kontra l-Faqar flimkien mal-Alleanza tal-Organizzazzjonijiet tal-Pensjonanti. Kulħadd mistieden.