Sfiduċja

    Minkejja x-xjenza tal-ippakkjar tal-aħbar u l-informazzjoni, biex insejħilha hekk, jidher li n-nies m’għadhomx daqshekk ċwieċ. Mhux biss ma jagħtux kas il-karta li fiha jkun imgeżwer il-pakkett, imma saru kapaċi janalizzaw il-pakkett ferm aħjar minn dawk li geżwruh.

    U forsi l-media soċjali u l-internet għenu aktar mill-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd biex il-gvernijiet u l-politiċi jitilfu l-monopolju li kellhom fuq l-informazzjoni.

    Forsi wasal iż-żmien li l-politiċi jibdew jagħmlu naqra eżami tal-kuxjenza. U hawn qed ngħid għall-politiċi taż-żewġ naħat. Inutli li l-għan tagħna bħala politiċi, tal-anqas kif narah jien, wisq drabi hu li waqt li niftaħru b’rixna nippruvaw nagħtu gambetta lin-naħa l-oħra.

    Sintendi, ħadd mhu se jaħsel il-ħwejjeġ maħmuġin barra. Imma l-ħwejjeġ maħmuġin ghandhom jinħaslu u għandhom jidhru li nħaslu.

    Spin

    Tispinja kif tispinja u tispinja kemm tispinja, ma jirnexxilek tbella’ r-ross bil-labra lil ħadd. U wisq drabi dawk li jċapċpu jagħmlu hekk mhux għax jemmnu imma għax hekk jaqbel.

    Bħal ngħidu aħna l-ispin dwar l-informazzjoni li ħarġet ftit tal-jiem ilu dwar l-istħarriġ tal-Ewobarometru.

    Inutli tgħid li fl-2012 kienu 34% biss li kienu jafdaw lill-gvern u llum hemm 51%. Meta fuq in-naħa l-oħra tal-munita nsibu li fl-2014 kien hemm 56% li kienu qed jafdaw lill-gvern.

    Minkejja li tajjeb ngħidu li l-maġġoranza l-kbira (85%), jemmnu li l-ekonomija sejra tajjeb, ma nistgħux naħbu li 60% ta’ dawk intervistati m’għandhom fiduċja fl-ebda partit politiku, filwaqt li 32% biss għandhom fiduċja fil-politiċi.

    Nilagħbu kemm nilagħbu bil-figuri, il-partiti u l-politiċi jridu jaraw għala qed tonqos din il-fiduċja. Min huma n-nies li m’għandhomx fiduċja? U għaliex? Wisq drabi dawn il-mistoqsijiet isiru wara li tintilef xi elezzjoni imma mbagħad ikun tard wisq.

    Li toħroġ dokument għal ħafna ma jfisser xejn. Lanqas li tipprietka mod imma meta tiġi fis-si u n-no tibqa’ ċass, jew tilgħab għall-ħin bl-iskuża li hemm inkjesta jew każ il-Qorti.

    Iżda hawn għandna sitwazzjoni differenti. In-nies qed titlef il-fiduċja fiż-żewġ partiti. U dan hu allarmanti. Inutli nispinjaw. Inutli ngħidu dak li jrid jismagħna ngħidu l-boss.

    Żmien il-każini kważi għadda. U n-nies aktar tixgħel it-televixin biex tara “Katrina” jew “Ċaqqufa” milli biex tisma’ dibattitu politiku. U skantajt dan l-aħħar meta sirt naf li ż-żgħar jippreferu jaraw il-“You Tube” milli t-televixin.

    Beraq

    Meta narawh iberraq u jriegħed għalxejn nagħlqu għajnejna u nsoddu widnejna. Il-figuri tal-Ewrobarometru ma nistgħux naħbuhom.

    U forsi jekk inħarsu lil hinn minn xtutna nibdew nifhmu s-sitwazzjoni xi ftit aħjar. U aktar minn allarmanti, inħoss li jekk mhux se jittieħdu passi konkreti malajr, is-sitwazzjoni tista’ tkun perikoluża.