Stedina għall-Milied

    F’dawn il-jiem il-Caritas hadet inizjattiva li naħseb li ta’ min jibda jimitaha. Nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Diċembru, Jum il-Milied, il-Caritas se tiftaħ il-kwartieri ġenerali tagħha f’numru 5, Triq l-Iljun, il-Furjana, u qed tistieden għall-ikel lil dawk li huma weħidhom jew li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

    Dawk li jixtiequ jattendu kulma jridu jagħmlu hu li jċemplu lill-Caritas fuq 99122515.

    Dawk li jafu lil xi ħadd li fil-ġurnata tal-Milied se jkun waħdu, huma mħeġġa biex iħajru lil din il-persuna tattendi għal din l-ikla.

    Il-Caritas ħasbet ukoll biex tipprovdi t-trasport għal dawk li jixtiequ jattendu imma, għal xi raġuni jew oħra, jaqtgħu qalbhom għax ma jkollhomx min iwassalhom.

    Solitudni

    L-inizjattiva tal-Caritas hija vera ta’ min ifaħħarha. Ikun tajjeb jekk għaqdiet oħra, l-iżjed dawk tal-Knisja, f’dawn il-jiem jitħajru jiftħu l-bibien tagħhom għal min hu waħdu.

    Il-persuna li tbati bis-solitudni bħalissa tħossha ferm aktar weħidha. Tibda tara familji u gruppi ta’ nies jidħqu u jixxalaw, u hi bilkemm għandha ma’ min tgħid kelma.

    Għalkemm differenti mill-faqar finanzjarju, is-solitudni hija wkoll tip ta’ faqar u jista’ jkollha effetti kemm psikoloġiċi kif ukoll fiżiċi.

    U tiskanta kif f'Malta, fejn kulħadd donnu jaf lil kulħadd, is-solitudni hija preżenti wisq aktar milli naħsbu. Stħarriġ riċenti li sar mill-“Malta Today” juri li 5 fil-mija tan-nies fil-Milied li ġej se jkunu qed jieklu weħidhom.

    Emotions Anonymous

    Ta’ min jgħid li barra l-ikla tal-Milied, il-Caritas toffri wkoll spazju fil-kwartieri tagħha f’numru 5, Triq l-Iljun, il-Furjana, lill-Emotions Anonymous fejn nies li għaddejjin minn diffikultajiet emozzjonali – bħas-solitudni – jistgħu jiltaqgħu fi gruppi u jaqsmu l-esperjenzi.

    Il-grupp li jmiss tal-Emotions Anonymous se jsir nhar it-Tnejn, 4 ta’ Jannar, 2016, mis-6.00 pm sas-7.30 pm.

    Xewqat

    Nieħu l-okkażjoni biex nixtieq lill-qarrejja kollha ta’ iNEWS, partikolarment dawk li jsegwu dan il-blog, l-isbaħ xewqat għal Milied hieni u sena mimlija risq.