Talba ta' San Franġisk

    Aktar ma nixjieħ, aktar nifhem li m’għandix tweġiba għal ħafna u ħafna affarijiet. Għalkemm sfortunatment wisq drabi ninsa li jien m’iniex daqhekk għaref u kif iqum argument, hu x’inhu, nipprova nipperswadi lid-dinja li ħadd ma jaf daqsi dwaru.

    Imma jekk inżomm saqajja mal-art u ma nħallix l-emozzjonijiet jiġru bija, nagħraf il-limitazzjonijiet tiegħi. U nispiċċa b’aktar mistoqsijiet milli tweġibiet.

    Bħal veru li l-ISIS huma Stat Iżlamiku? Veru li t-tweġiba għall-vjolenza hija aktar vjolenza? Veru li bis-summits m’aħna naslu mkien? Xi jwassal biex żgħażagħ imwielda u mrobbija fil-“kultura” tal-punent jispiċċaw joqtlu żgħażagħ oħra li ma jafuhomx minn Adam?

    Mistoqsijiet

    U aktar ma naħseb, aktar ifaqqsu mistoqsijiet. U kull mistoqsija ġġib erba’ oħra magħha. Min ħoloq it-terroriżmu? Min ħoloq it-Talibani? Lil Al Qaeda? U lill-ISIS?

    Għaliex għandna daqshekk nuqqas ta’ stabilità f’tant inħawi tad-dinja? Min qed jiggwadanja minn dan il-kaos kollu? Veru li l-industrija tal-armi hija waħda mill-akbar negozji fid-dinja? Minnu li l-bniedem qiegħed għall-business, mhux il-business għall-bniedem?

    U nibqa’ sejjer. Imma l-aktar mistoqsija pertinenti li għandi f’moħħi bħalissa hija jekk it-Talba ta’ San Franġisk għadhiex tagħmel sens fis-sena 2015.

    Imma xorta naħseb li ta’ min jgħidha u jerġa’ jgħidha, anke jekk xi wħud jaħsbuk il-baħnan t’Alla.

    It-Talba

    Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek.

    Fejn hemm il-mibegħda, ħallini nħeġġeġ l-imħabba;

    fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra;

    fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi;

    fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama;

    fejn hemm id-dlam, ħallini inkebbes id-dawl;

    fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ.

    La tħallix li iżjed infittex li nkun imfarraġ milli nfarraġ jien;

    la tħallix li iżjed jifhimni ħaddieħor milli nifhem lil ħaddiehor jien;

    la tħallix li iżjed inkun maħbub milli nħobb jien.

    Għax meta nagħtu, aħna naqilgħu.

    Għax meta naħfru, aħna nkunu maħfura.

    Għax meta mmutu, inqumu għall-ħajja ta’ dejjem.