Summits, CHOGMs, konferenzi, eċċ., eċċ.

    Sejjaħli antisoċjali kemm trid. U nippermettilek tgħajjarni xettiku. Għax aktarx ma tkunx qiegħed tmur ‘il bogħod. Imma llum, aktar minn qatt qabel, tlift l-aptit kollu għall-ewforija li joħolqu s-summits, iċ-CHOGMs, il-konferenzi, il-kungressi, eċċetra, eċċetra.

    Aktar ma nikber, aktar dawn l-attivitajiet sirt narahom artifiċjali. U mhux biss ma jħajrunix, talli kemm jista’ jkun inżomm ‘il bogħod minnhom.

    Naf li hawn min jikolhom bil-ħobż u hawn min jiekol minnhom. Imma mitt bniedem mitt fehma. Hu x’inhu, ħadd ma jista’ jippretendi prosit mingħandi. U żgur li l-prosit tiegħi mhu se tagħmel differenza lil ħadd.

    Spoilsport

    Naf li aktar iva milli le, jien spoilsport. L-aktar fejn jidħlu dan it-tip ta’ attivitajiet. U meta nħares lura ma jiddispjaċini kważi xejn.

    Naħseb li għad hawn ħafna jiftakru l-għaġeb li sar meta Bush u Gorbachev iltaqgħu fuq lanċa Marsaxlokk. Qalulna li spiċċajna fuq il-mappa tad-dinja għax dakinhar intemmet il-gwerra bierda.

    Iżda llum, kważi 26 sena wara, mhux talli għandna gwerra bierda għaddejja l-ħin kollu, imma għandna ħafna gwerer jaħarqu. Mhux biss, imma l-bejgħ tal-armi għadu jiddomina l-ekonomija ta’ ħafna pajjiżi.

    CHOGM

    Aktar ‘l hawn lejn żmienna, eżattament fl-2005, saret laqgħa oħra suppost importantissma. Laqgħa li għamlu minn kollox biex ibellgħuhielna li kellha ġġib eluf ta’ turisti u miljuni f’investiment.

    Eħe, qed nirreferi għal-laqgħa tal-kapijiet tal-Commonwealth li kienet saret taħt l-awspiċi tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr Lawrence Gonzi.

    Illum, għaxar snin wara, żgur ninsabu f’qagħda aħjar biex nagħmlu l-kontijiet. X’daħħalna u xi ħriġna. U jekk il-flus mhux kollox, tajjeb inkunu nafu kemm għola r-rating ta’ Malta f’għajnejn id-dinja b’riżultat ta’ din il-laqgħa.

    Jien nagħmel imħatra ma’ min irid li disgħa minn kull għaxra min-nies fil-Commonwealth żgur lanqas jiftakru fejn saret iċ-CHOGM sentejn ilu. U nemmen li lanqas wisq jimpurtahom.

    Żbaljat

    Nittama li sejjer żbaljat. Anzi bis-serjetà nixtieq li għandi żball kbir. Jalla minn dawn il-konferenzi joħorġu s-soluzzjonijiet. Jalla ma jkunx hemm għalfejn aktar refuġjati jaħarbu mill-bombi u mill-għaks.

    Jalla ma jkunx hemm aktar sinjuruni minn ċerti pajjiżi jisirqu r-riżorsi ta’ pajjiżi oħra. U jalla ssaltan il-paċi u l-ġid tad-dinja jinqasam b’aktar ġustizzja bejn kulħadd.

    Fuq kollox jalla min jgħix bit-tama ma jmutx bil-piena.