L-ispiżeriji – Settur ieħor mingħajr kompetizzjoni

    In-nuqqas ta’ kompetizzjoni fis-swieq Maltin hu suġġett li ġieli ktibt dwaru. Hu suġġett importanti għall-konsumaturi għaliex dan jaffettwa lill-konsumaturi direttament peress li nuqqas ta’ kompetizzjoni jfisser prezzijiet aktar għoljin u nuqqas ta’ għazla. Fattur li jista’ jigi effettwat bin-nuqqas ta’ kompetizzjoni hu l-kwalità tal-oġġetti jew servizzi li tieħu. Indirettament l-għoli tal-ħajja jaffettwa l-ekonomija inġenerali u b’hekk il-konsumaturi jerggħu jintlaqtu indirettament.

    Settur fejn inħoss li għad hemm nuqqas ta’ kompetizzjoni hu s-settur tal-ispiżeriji. Dan hu settur importanti għaliex dan jolqot is-saħħa tal-konsumaturi. Bħal kull ħaġa oħra, l-aktar li jintlaqtu huma l-anzjani*. Dan għaliex hemm tendenza kbira li wara 65 sena, persuna tibda tikkonsma aktar mediċini peress li s-saħħa tibda tbatti. Barra minn hekk, il-maġġoranza kbira tal-anzjani għandhom dħul li hu fiss u għalhekk kull żieda jkollha impatt aktar qawwi fuq il-mezzi tagħhom. In-nuqqas ta' kompetizzjoni hi biss problema waħda għaliex hemm problemi oħra.

    Ftit nies jittendu li għandna nuqqas ta’ kompetizzjoni f’dan is-settur. In-nuqqas ta’ kompetizzjoni ġej minn tliet fatturi prinċipali – il-kontroll fuq il-liċenzji, l-aġenti, u strateġiji tal-kumpaniji tal-mediċini.

    Nibdew fuq l-ewwel waħda – il-kontroll tal-liċenzji. Din hi xi ħaga li l-awtoritajiet u n-negozjanti stess ma jħobbux jitkellmu dwarha. Biex tieħu liċenzja mhux faċli. Biex ngħidu kollox, is-sitwazzjoni kienet ħafna agħar taħt il-gvern l-ieħor milli llum. Dan għaliex minħabba l-influwenza ta’ dan is-settur fuq il-gvern, taħt il-gvern l-ieħor ma kinux joħorgu liċenzji biex dawk eżistenti jżommu kontroll fuq is-suq. Illum, tajjeb ninnutaw li din is-sitwazzjoni nħallet mhux ħazin għaliex dan il-gvern, xi xhur ilu kien ħareg numru mhux ħażin ta’ liċenzji. Dan jidher mill-ispiżeriji li fetħu dan l-aħħar. Ċert li għadu mhux miftuħ kompletament, iżda l-ewwel passi ttieħdu minkejja li din l-influwenza ta’ dan is-settur għadha ma spiċċatx.

    It-tieni fattur hu li dan is-suq għadu ddominat mill-aġenti. L-ispiżeriji u negozjanti oħra ftit li xejn jimpurtaw huma. Dan ġej mill-istruttura tal-industrija stess – struttura li hi ta’ vantaġġ kbir għall-kumpaniji li jimmanifatturaw il-mediċini. Barra minn hekk illum biex timporta l-mediċini hu proċess ikkumplikat. Anki f’dan is-settur kien hemm bidla. Meta twaqqfet l-Awtorità tal-Mediċini, għall-ewwel kollox iġġammja u ħafna mill-mediċini spiċċaw mis-suq Malti. Wara l-proċeduri ġew imħaffa u reġgħu żdiedu. Illum jidher li dawn il-proċeduri u l-ħlasijiet huma aktar attraenti biex wieħed jimporta. Il-kontroll li għandhom l-aġenti hu kbir tant li ħadd mill-ispiżeriji ma jissogra li ma jżommx il-prezz tal-mediċina kif stabbilit mill-aġent. Xi snin ilu l-Għaqda tal-Konsumaturi konna imdaħħla fi proġett biex jara l-kompetizzjoni f’dan is-settur. Kellna niġbru prezzijiet tal-mediċini f’numru mhux ħazin ta’ lokalitajiet. Li konna skantati kien li l-prezzijiet tal-istess mediċina minn Marsaxlokk sa Għawdex kollha kienu l-istess. Jekk dan ma jindika xejn, jindika n-nuqqas ta’ kompetizzjoni f’dan is-settur.

    Dawn l-aħħar snin kien hemm ftuħ kbir mhux ħazin ta’ mediċini ġeneriċi. Dawn huma mediċini li huma maħduma minn kumpaniji li ma jkunux żviluppaw il-mediċina partikolari, iżda huma kopji. L-istandards kif jinħadmu llum hu wieħed tajjeb daqs tal-mediċini branded. Il-prezzijiet tagħhom huma ħafna orħos minn dawk branded. Iżda anki hawn il-konsumaturi Maltin ma tantx gawdew għaliex il-prezzijiet li qed jinbiegħu l-mediċini ġeneriċi qegħdin ftit anqas minn dawk branded. L-użu ta’ mediċini ġeneriċi llum żdied għaliex l-ispiżeriji ttendew li l-profitt hu aktar kbir meta tbiegħ il-mediċini ġeneriħi. Fattur ieħor li żgur ser ikollu impatt pożittiv hu l-introduzzjoni ta' online pharmacies li kull ma jmur qed jikber.

    Semmejt il-kumpaniji tal-mediċini. Dawn għandhom influwenza kbira kullimkien speċjalment fi Brussell. Tant hu hekk li minkejja li llum suppost mixjin lejn Suq Wieħed fl-Ewropa, il-kumpaniji tal-mediċini jitħallew jidditerminaw il-prezzijiet differenti f’postijiet differenti. Dawn iġibu skuża li l-prezzijiet tagħhom huma għoljin minħabba l-ispiża tar-riċerka li jenħtieġu biex jiġu żviluppati mediċini ġodda. Biss minn riċerka li saret, sar magħruf li ħafna mill-ispiża ta’ dawn il-kumpaniji ma tmurx lejn ir-riċerka iżda lejn ir-reklamar. Il-maġġoranza tar-reklamar f’din l-industrija mhux indirizzat lejn il-konsumaturi iżda lejn it-tobba. Qabel kienu jagħtuhom ħafna samples b’xejn biex imexxu l-brand partikolari. Illum is-sitwazzjoni hi aktar sofistikata. Illum ħafna jisponsorjaw iż-żjarat għall-konferenzi.

    Dawn huma fatturi li qed joħonqu l-kompetizzjoni f’dan is-settur u li qed ibati hu l-konsumatur speċjalment dak anzjan. Hemm soluzzjonijiet – nemmen li hemm. Dawn is-soluzzjonijiet huma ta’ żewg livelli. Għandek dawk li huma fuq livell lokali u dak fuq livell Ewropew. Jekk irridu nirranġaw dan is-settur irridu naħdmu fuq iż-żewg livelli.

    *Din hi kelma li ma tantx inhobb nuża għaliex fil-Malti għandna l-kelma xiħ. Illum jien wieħed minnhom u qatt ma ddejjaqt li xi ħadd jgħidli xiħ, għax dik hi r-realtà u għaliex il-lingwa Maltija rispett għandha lejn ix-xjuħ. Biss illum trid tuża l-kelma anzjan, biex tkun ‘politically correct’.