Proposta għal Regolamenti Aħjar

    X’hemm isbaħ milli jkollok ftit regolamenti u li l-ftit li jkollok ikunu tajbin? Dan mhux xi għan ġdid. Kulħadd jaf li aktar ma jkollok regolamenti, aktar ser ikollok problemi għaliex ser jinqalgħu ħafna aktar problemi ta’ interpretazzjoni tal-istess regolamenti u ser ikollok problema biex tassigura li dawn il-regolamenti qed jiġu osservati.

    F’ċerti setturi, dan jista’ jkun possibbli sakemm tieħu ċerti miżuri oħra biex tassigura ċerti prinċipji oħra. Eżempju ċar kien il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet. Illum għandna farsa fejn ir-regolamenti għadhom ta' żmien in-nanna fejn l-ekonomija kienet differenti filwaqt li r-realtà tirrifletti l-bżonnijiet tal-lum. Ir-regolamenti jitolbu ħinijiet fissi u l-ħwienet jiftħu meta jridu. F’każ bhal dan, speċjalment meta tħalli l-affarijiet waħedhom, ma tkunx qed tikser jew tipperikola ċerti prinċipji, allura aħjar ma jkollokx regolamenti.

    Hemm numru ta’ metodi li ġew proposti biex ikollna regolamenti aħjar. Fost dawn insibu l-proposta tas-sunset clause fejn kull liġi jkollha perjodu mehmuż magħha sakemm tibqa’ fis-seħħ. Proposta sabiħa iżda li hi diffiċli li tesegwiha għaliex jekk ma toqgħodx attent, issib li tispiċċa mingħajr liġijiet u jkollok rebus, jew tmur għall-estrem l-ieħor li jkollok pataflun ta’ liġijiet li trid terġa’ ddaħħal għax ikun hemm bżonnhom.

    Il-Kummissjoni Ewropea llum għandha l-proposti tagħha. Dawn huma proposti li hemm ħafna kritika lejn ċerti aspetti tagħhom, sew mill-għaqdiet tal-konsumaturi u sew mill-unjins. Tajjeb li nsemmu li dawn iż-żewġ movimenti jaqblu li hemm bżonn insibu metodi għal anqas regolamenti u li dawn ikunu aħjar.

    Waħda mill-aktar proposti kkritikati hi l-eżenzjoni li l-SME, jew small and medium enterprises, ikunu eżentati minn ħafna mir-regolamenti li jsiru. Tidher sabiħa l-proposta għaliex l-argument hu li dawn ikollhom iġorru piż kbir għax huma żgħar. Il-problema hi li f’ħafna pajjiżi dan is-settur hu kbir u li jaħdmu ħafna ħaddiema fih.

    L-unjins qed jikkritikaw din il-proposta għaliex jafu li hemm ‘il fuq minn 80% tal-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur. Jekk ir-regolamenti ma japplikawx għal dan is-settur, l-unjins jafu li l-kundizzjonijiet tal-maġġoranza tal-ħaddiema ser jieħdu daqqa kbira sew. Dan ser iġib lill-maġġoranza tal-Ewropej jaħdmu f’kundizzjonijiet prekarji fejn sew il-pagi u sew il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema ser jaraw tnaqqis drastiku.

    Min-naħa tal-konsumaturi dan ifisser li ħafna mir-regolamenti li għandek biex jipproteġu l-konsumaturi mhux ser jibqgħu japplikaw għan-negozji żgħar. Ifisser li l-protezzjoni ser tkun biss meta konsumatur jixtri min-negozji kbar li ma jaqgħux taħt il-kappa ta’ SME.

    Tajjeb li ngħidu li filwaqt li f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Eworpea s-settur tal-SME hu wieħed imdaqqas, f’Malta dan is-settur jiddomina. Jekk isir hekk, il-leġiżlazzjoni li toħroġ mill-Ewropa ser tkun tapplika biss għal erba’ businesses. Il-bqija dawn mhux ser ikunu obbligati li jsegwu d-direttivi.

    Biex inkunu nafu l-effett, ħa nsemmi tibdila żgħira fir-regolamenti tal-prezzijiet li kellha effett fuq il-maġġoranza kbira tal-ħwienet. F’Jannar tal-2013, ftit xhur qabel l-elezzjoni, id-Direttur li kien inkarigat mis-Sezzjoni tal-Affarijiet tal-Konsumaturi fi ħdan l-MCCAA ddeċieda li jbiddel ir-regolamenti tal-prezzijiet. Dan kien sar wara pressjoni biex jibda japplika l-liġi li għadda l-Parlament madwar għaxar snin qabel u skont id-direttiva. Dan għamel emmenda fejn qal li r-regolamenti dwar il-prezzijiet li jitolbu prezz tal-unità (prezz kull kilo, jew litru jew metru kwadru), ma japplikawx ghal dawk in-negozji li huma iżgħar minn 200 metru kwadru.

    L-effett kien li 'l fuq minn 80% tal-ħwienet ġew eżentati. Biex wieħed jifhem l-effett, dan kien ifisser li 60% tal-lokalitajiet ma kellhomx ħanut wiehed li hu obbligat li juri l-prezzijiet bl-unità biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet.

    Biex naraw l-effett fuq Malta, tajjeb li naraw kif l-UE tiddefinixxi SME. Iż-żewġ fatturi huma n-numru ta’ ħaddiema li kumpanija għandha u t-turnover jew il-balance sheet total kif jidher fit-tabella hawn taħt:

    Company category

    Employees

    Turnover

    or

    Balance sheet total

    Medium-sized

    < 250

    ≤ € 50 m

    ≤ € 43 m

    Small

    < 50

    ≤ € 10 m

    ≤ € 10 m

    Micro

    < 10

    ≤ € 2 m

    ≤ € 2 m

    Jekk wieħed jara kemm ikun hemm ażjendi f’Malta li jaqgħu taht din id-definizzjoni, wieħed isib li 99.9% jaqgħu taħt din id-definizzjoni filwaqt li dawn iħaddmu aktar minn 88,000 persuna jew 76% tal-ħaddiema fl-impieg.

    Dan ifisser li dawk id-direttivi eċċ. li ma jkunux japplikaw għal SME, f’Malta la ser ikunu jgħoddu għall-maġġoranza tal-ħaddiema u wisq anqas għall-konsumaturi Maltin.

    Dan jagħti daqqa kbira sew lid-drittijiet tal-ħaddiema u sew lid-drittijiet tal-konsumaturi. Dan ikompli juri kemm sew taħt Barroso u sew taħt Juncker, l-Ewropa tilfet ir-ruħ soċjali tagħha u llum il-preferenzi u l-vantaġġi jmorru biss għan-negozji – la għall-ħaddiema u lanqas għall-konsumaturi.