Il-Greċja: Falliment tal-Ewropa soċjali

    Il-Greċja ilna nisimgħu dwarha dawn l-aħħar xhur. L-aspett li jissemma hu dak li hemm dubji jekk il-Greċja hix ser tkun kapaċi tħallas id-dejn li għandha. Dejn kbir.

    Wieħed mill-ewwel jieħu l-impressjoni li dan id-dejn ġabu l-Gvern preżenti li bl-arroganza kollha issa ma jridx iħallas filwaqt li l-Griegi għaddejjin ħajja pjaċevoli jikluha minn fuq dahar l-Ewropej l-oħra. Biss l-istorja hekk verament hi?

    Nibdew bid-dejn. Dan ilu jinġema' snin sħaħ. Wara l-kriżi finanzjarja, il-Greċja għaddiet minn riċessjoni wara l-oħra. Gvern wara l-ieħor iżid id-dejn, ma jagħti kas xejn ħlief jonfoq basta jerġa’ jitla’ fil-poter. Din l-istorja xejn mhi ġdida għalina. Għamilna 25 sena sejrin hekk u filli kellna somma flus sabiħa fil-kaxxa ta’ Malta u filli ħlief karti ta’ dejn din ma kienx fiha. Money no problem u d-dejn iħallsuh ġenerazzjonijiet futuri huma frażijiet li smajniehom.

    Gvern lemini wara l-ieħor kompla jiddejjen. Il-Kummissjoni Ewropea ma sabet l-ebda diffikultà biex il-Greċja tissieħeb mal-wwro. Ħadd ma sab l-ebda diffikultà kif kienet miexja l-Greċja. Ħadd ma sab l-ebda diffikultà bl-istatistika li l-gvernijiet Griegi kienu qed ibellgħu lill-Ewropa. Sakemm…

    Sakemm ma setgħux ikomplu jissellfu aktar mis-swieq għaliex intilfet il-fiduċja. Hawn kellhom jagħmlu bailout fejn it-Troika (il-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew), sellfu lill-Gvern Grieg il-flus meħtieġa biex il-pajjiż ikompli miexi u l-Greċja tkompli fiż-żona ewro.

    Il-Pasok fl-2011 beda bit-trażżin tal-finanzi bil-kbir sabiex ikun konformi mal-kundizzjonijiet tal-bailout. Wara protesti, il-gvern ta’ George Papandreou kellu jirriżenja. Fil-bidu tal-2012 kien hemm elezzjoni li ma ġabet xejn għajr xhur mingħajr gvern sod li kompla tefa’ l-Greċja lura. Illum qegħdin fis-sitwazzjoni fejn il-possibbiltà li l-Greċja toħroġ miż-żona ewro u mill-Unjoni Ewropea hi waħda reali ħafna.

    Dan iż-żmien ma kienx wieħed feliċi għall-Griegi. Għaliex kull gvern, minħabba l-kundizzjonijiet imposti fil-bailout, kellu jagħfas aktar.

    Il-kundizzjonijiet u l-pakkett offrut lill-Greċja huma wieħed mill-fatturi ewlenin li wasslu għal din il-kriżi. Ġara bħalma ġara fil-Ġermanja wara l-Ewwel Gwerra Dinjija. Meta l-Ġermanja tilfet il-gwerra, l-Alleati imponew kundizzjonijiet ħorox biex il-Ġermanja tħallas tal-ħsara. Tant kienu ħżiena l-kundizzjonijiet li wasslu għal Adolf Hitler. Il-kundizzjonijiet imposti fuq il-Greċja mhumiex ħafna aħjar, bir-riżultat li mhux biss ħafna ħaddiema spiċċaw mingħajr xogħol iżda anki dawk li kienu qed jaħdmu sabu l-pagi tagħhom imnaqqsa, filwaqt li l-pensjonanti sabu biss farka mill-pensjoni li kellhom. Dan ma ġabx biss qgħad iżda wkoll estremiżmu.

    Il-Greċja llum għandha wieħed mill-aktar partit neo-Nażi li hawn fl-Ewropa – Golden Dawn. Miegħu ġabu wkoll partit ġdid, SYRIZA, li l-għan prinċipali tiegħu hu li jġib kundizzjonijiet aħjar. Partit li llum qed imexxi l-gvern u hu wkoll ta’ ispirazzjoni għal movimenti oħra politiċi f’pajjiżi oħra bħalma hi Spanja - Moviemento 15-M - u riċentament il-protesta kbira li saret f’Londra, protesta li ilna snin sħaħ ma naraw bħalha.

    Il-kundizzjonijiet imposti mhux biss kienu jġibu qtugħ ta’ flus kullimkien, anki f’postijiet meħtieġa, iżda lanqas kienu jindirizzaw il-ħtiġijiet sabiex il-Greċja mhux biss tħallas il-flus lura iżda terġa’ tqum fuq saqajha ekonomikament biex teqred il-faqar li ġabet l-awsterità.

    Dawn il-kundizzjonijiet mhumiex xi ħaġa naturali iżda huma l-frott tal-politika tal-partiti tal-lemin. Dan rajnieh Malta wkoll. L-aħħar Gvern Nazzjonalista mexa fuq din il-politika. Kellna l-awsterità li ħarġet bil-kbir fil-prezzijiet tal-elettriku. Qabża fenomenali li farrket l-ekonomija.

    Dan il-Gvern ħa rotta differenti. Ħa r-rotta li biex tiġġieled id-dejn trid taqta’ l-ħela, iżda fuq kollox trid tkabbar l-ekonomija. Il-frott diġà qed jidher għaliex naqas id-dejn, naqsu l-prezzijiet u kibret l-ekonomija.

    Din hi l-attitudni li trid tieħu l-Ewropa lejn il-Greċja. Sfortunatament din mhix l-idea ta’ min qed imexxi l-Ewropa li qishom insew il-mudell soċjali Ewropew. Mhux kulħadd, għaliex hemm min tkellem dwar ir-responsabbiltà li għandha l-Ewropa lejn il-poplu Grieg. Fosthom insibu Ministru Belġjan, Van Overtveldt, li ġie kkwotat li qal:

    We have a very big responsibility toward the Greek population. I think their suffering is immense……we have a moral obligation here.

    I don’t like all these deadlines because what we need to do here is reach a good agreement for the Greek economy so that its economy have back a perspective for the future…..secondly we need to do that in line with what is needed to have a good future for the monetary union.

    Anke l-ETUC tkellmet ċar fuq l-attitudni Ewropea li qed tiddomina:

    Greece has suffered enough. The EU and the IMF should not impose further pain on the pensioners and workers. It is beginning to look like punishment for voting for an anti-austerity government.

    There needs to be a sensible compromise. Grinding the face of the Greek people into dirt is not the way forward.

    Hi biss b’din l-attitudni li l-Greċja tkun tista’ sew tħallas id-dejn li għandha u fl-istess ħin terġa’ tieħu l-ħajja. Dan hu l-obbligu li għandha l-Ewropa. Dan hu li jitlob il-mudell soċjali Ewropew.