Arbitru effettiv

    Is-servizzi finanzjarji huma xi ħaġa li tissemma ħafna fl-aħbarijiet. Biss għalkemm dan hu settur importanti fl-ekonomija tagħna u li dejjem qed jikber, hu settur li l-konsumaturi ma tantx iħossuhom komdi fih.

    Dan ġej minħabba żewġ affarijiet: L-ewwel, ftit għandna edukazzjoni dwar dan il-qasam, u t-tieni minħabba li ħafna konsumaturi xi darba jew oħra ngidmu fih jew raw l-aspettattivi tagħhom itiru mar-riħ.

    L-edukazzjoni mhix kollox imma tgħinek tagħraf jekk lil min qabbadt biex jagħtik parir hux qed jagħmel xogħlu tajjeb. Dan isir speċjalment permezz tal-mistoqsijiet li wieħed jistaqsi. Aktar ma l-konsultazzjoni tkun ħajja, aktar hemm protezzjoni. Effett li kien hemm, kien li ħafna daħlu f’investiment li la kien tajjeb għalihom u lanqas li jirrifletti l-karatteristiċi tal-konsumaturi.

    Iqumu numru ta’ mistoqsijiet. Kemm hi importanti għall-konsumatur is-somma li qed jinvesti? Din tirrappreżenta l-maġġoranza tat-tfaddil tal-persuna? Għal xiex qed isir l-investiment? Dan qed isir biex jassigura ċertu livell ta’ dħul għall-konsumutar meta din il-persuna ser tirtira? Jew inkella l-konsumatur lest li jissogra somma biex idaħħal dħul akbar? Ingħata t-tagħrif meħtieġ biex jasal għal deċiżjoni, jew kulma ngħata kien kemm kiber l-investiment? Biss l-akbar mistoqsija hi kemm verament tgħodd il-firma ta’ konsumatur li jgħid li qed jaqbel ma’ xi ħaġa li ma jifhimiex!

    Dan in-nuqqas ta’ edukazzjoni flimkien mal-kumplessità tal-prodotti (tgħid apposta?), wassal għal dipendenza kważi assoluta fuq il-broker mingħajr ma l-persuna li qed tagħmel l-investiment tkun taf jekk il-prodott finanzjarju hux dak il-prodott li tixtieq u jaqdix il-bżonnijiet tagħha flimkien ma’ sogru li verament hemm.

    Din id-dipendenza ġabet diżappunti kbar lill-konsumaturi meta d-dħul li sar minn dan l-investiment ma kienx dak li kienu qed jistennew il-konsumaturi. Ma kellniex każ wieħed f’dan il-qasam fejn ġraw affarijiet bħal dawn. Forsi ftit jiftakru (tgħid ghax jaqblilhom?), kemm tlifna flus bħala poplu fl-investimenti li saru fl-Arġentina anki wara li kien hemm indikazzjonijiet ċari li hemm diffikultajiet kbar f’dan il-qasam. Ftit nafu kemm verament tilfu flus il-konsumaturi Maltin meta ħafna mill-investimenti li saru sfaxxaw kważi fix-xejn meta kellna l-aħħar kriżi finanzjarja.

    X’ġara meta nqalgħu dawn l-affarijiet? Effett fit-tul hu li ħafna konsumaturi tilfu l-fiduċja fis-sistema. Hu għalhekk li llum ħafna mhux qed imorru għal investiment iżda għal kontijiet fissi biex, għalkemm l-interessi huma baxxi, għall-anqas il-konsumaturi jkunu qed iserrħu rashom li dak li ġemmgħu ser jibqa’ hemm. Ekonomija vibranti għandha bżonn aktar minn hekk. Għandha bżonn il-parteċipazzjoni ta’ kulħadd. L-effett ieħor kien li s-sistema li konsumaturi jinvestu biex ikollhom pensjoni aħjar ħadet daqqa ta’ ħarta.

    Is-sistema preżentament toffri żewġ servizzi għall-konsumaturi. Għandek is-servizz tal-consumer unit fl-MFSA u għandek ukoll insolvensy fund li jipproteġi, sa ċertu punt, lil dawk li jkunu qed jagħmlu investiment. Ktibt sa ċertu punt għaliex dan il-fund ma jipproteġix l-investiment iżda jipproteġi l-konsumaturi, fost oħrajn, sakemm isir l-investiment speċjalment jekk f’dan il-perjodu l-broker ifalli.

    Il-konsumaturi tajjeb li jifhmu li l-investiment qatt ma jista’ jiġi protett. Kull investiment għandu ċertu riskju u l-interess jirrifletti dan ir-riskju. Biex inneħħu r-riskju jkollna nneħħu l-interessi li jagħti l-investiment u allura ma jkunx hemm investiment. Għalhekk dan l-insolvency fund qiegħed hemm biex jagħti kumpens skont regoli stabbiliti.

    Is-servizz l-ieħor hu aktar dak li llum jgħidulu ADR – Alternative Dispute Resolution – ipprovdut mill-MFSA. Jara jekk id-drittijiet tal-konsumaturi ġewx imħarsa u jipprova jsib soluzzjoni. Biss dan m’għandux il-poter li jiddeċiedi favur jew kontra xi talba li ssir. Biex isir dan, il-konsumaturi jkollhom imorru l-qorti. U l-qorti taf meta tidħol u ma tafx meta toħroġ u kif ser toħroġ.

    Dawn is-servizzi ħadmu tajjeb. Biss ma kinux biżżejjed. U ghalhekk hemm din ir-riforma. Dan għaliex issa ser ikun hemm Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji. Dan ser ikun qisu l-Ombudsman iżda b’poteri akbar, għaliex l-Ombudsman wara li jinvestiga l-kwistjoni quddiemu jista’ jagħmel biss rakkomandazzjonijiet. L-Arbitru, iżda, wara li jisma’ l-ilment ikun jista’ wkoll jiddeċiedi jekk l-ilment ikunx ġustifikat jew le. Jekk l-ilment ikun ġustifikat, l-Arbitru jkun jista’ jordna kumpens xieraq.

    Din il-bidla ser iġġib magħha bidla oħra. Dan għaliex barra li l-konsumaturi, negozji żgħar li jħaddmu magħhom inqas minn għaxar ħaddiema ser ikunu jistgħu jressqu l-ilmenti tagħhom. Ir-raġunament wara dan hu li negozji żgħar la għandhom l-esperjenza u lanqas saħħa finanzjarja kbira u għalhekk huma eqreb lejn il-konsumaturi.

    Il-konsumaturi ser ikollhom sentejn sabiex iressqu l-ilmenti tagħhom minn meta dawn jittendu jew isiru jafu b’nuqqas minn min kellu l-obbligu jagħtihom parir tajjeb.

    Biss il-konsumaturi xorta ser ikollhom id-dritt li, jekk iridu, iressqu l-ilment tagħhom il-Qorti. L-istess, kull min għandu każ il-Qorti ser ikollu d-dritt li jressaq dan l-ilment quddiem l-Arbitru jew ikompli bil-każ tieghu quddiem il-Qorti.

    Nemmen li dan hu pass 'il quddiem. Jekk jirnexxix u jerġax idaħħal il-fiduċja, jiddependi minn ħafna affarijiet speċjalment min-nies li ser ikunu inkarigati biex imexxu dan l-uffiċċju. Qed nikteb dan għaliex diġà kellna esperjenzi ta’ istituzzjonijiet imwaqqfa apposta biex jirranġaw l-affarijiet, iżda minħabba l-inkompetenza tan-nies li tqabbdu, l-affarijiet baqgħu l-istess. Jekk irridu l-affarijiet jitjiebu, irridu nagħmlu dak kollu possibbli biex din l-istituzzjoni tirnexxi. Dan ikun ta’ ġid sew għall-konsumaturi, sew għas-settur finanzjarju u sew għall-ekonomija inġenerali.