Il-prezz tad-diżil

    Bħalma għedt fl-aħħar artiklu, dan l-aħħar reġgħet telgħet fil-wiċċ il-problema ta’ kif qed jinbiegħ id-diżil.

    Biex inkunu aktar ġusti, din il-problema mhix biss fid-diżil qiegħda iżda anki fil-fjuwils l-oħra li jinbiegħu mill-pompi tal-petrol. L-ewwel ħaġa li tolqotlok għajnejk hi li minn Għawdex sa Marsaxlokk il-fjuwil jinbiegħ bl-istess prezz. Din hi xi ħaġa li ma ssibha fl-ebda pajjiż ieħor. Dan għaliex jekk issiefer issib li mhux talli l-prezz tal-fjuwil ta’ ditti differenti jkun differenti, iżda anki tal-istess ditta.

    Ma nafx kemm hawn nies jafu li llum sew fil-petrol u sew fid-diżil qed jinbiegħu numru ta’ fjuwils ta’ ditti differenti. Jien ċert li l-maġġoranza tan-nies ma jafux b’dan u għadhom mingħalihom li l-petrol u d-diżil li jinbiegħ kollu jiġi impurtat minn xi ditta sussidjarja tal-Enemalta.

    Hemm fattur ieħor li jiddistingwina. Dan hu l-fatt li l-petrol stations f’Malta mhumiex ta’ xi ditta partikolari, iżda ta’ nies individwali. Jista’ jkun hawn xi ftit li għandhom aktar minn petrol station waħda, biss żgur li dawn huma ftit.

    Meta tqis dan kollu, suppost li għajnek tibda togħrkok sew bis-sitwazzjoni. Dan għaliex meta għandek numru ta’ ditti li jissupplixxu l-istess tip ta’ fjuwil u dan jinbiegħ minn petrol stations li suppost jaħdmu indipendenti, suppost għandek kompetizzjoni qawwija, speċjalment meta s-suq hu wieħed żgħir. Suppost li f’dan ix-xenarju, l-inqas ħaġa li tistenna hi li l-prezz ikun l-istess kullimkien. Suppost li tara bħalma tara fil-ħwienet tal-merċa, fejn ħafna mill-ħwienet jipprovaw iraħħsu xi ħaġa biex jattiraw aktar konsumaturi lejn il-ħanut tagħhom.

    Allura dak li jiġri fi swieq oħra, għaliex ma jiġrix ukoll fis-suq tal-petrol u d-diżil? Ma nemminx li trid tkun xi għaref biex tistaqsi din il-mistoqsija. Hu għalhekk li nibqa’ skantat meta l-inqas nies li tiġihom f’moħħhom din il-mistoqsija jidher li huma n-nies imħallsa mit-taxxi tal-konsumaturi biex jissalvagwardjaw li s-swieq qegħdin jaħdmu u li dawn jaħdmu biex jibbenefikaw minnhom il-konsumaturi.

    Tibqa’ skantat aktar meta ddawwar wiċċek u ssib li hemm swieq oħra bħal dawn. Insemmi biss wieħed li jolqot lill-konsumaturi speċjalment dawk li jinzertaw denbhom taħt il-blat. Dan hu s-suq tal-mediċini fejn issib li l-prezzijiet tal-mediċini f’Malta huma l-aktar ħaġa stabbli li hawn fid-dinja. Tmur fejn tmur, il-prezz tal-mediċini hu l-istess kullimkien.

    Possibbli li ħadd ma jittendi bihom dawn l-affarijiet? Possibbli li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA qatt ma nnutahom dawn l-affarijiet? Tibda taħseb li dawn in-nies la jixtru medicini u la petrol u lanqas diżil!

    Kien għalhekk li meta, ftit xhur ilu, sid ta’ petrol station fir-Rabat kien ser iniżżel il-prezz tad-diżil b’2 ċenteżmi kull litru u kellu pressjoni biex dan ma jagħmlux, kien qam furur. Kien qam furur għaliex ħadd ma seta’ jifhem għaliex kien hemm min qed jagħmel pressjoni biex iżomm il-prezz għoli daqs ta’ ħaddieħor.

    Jien ċert li dan il-każ mhux uniku, biss hu l-uniku wieħed li ħareġ fil-beraħ, bis-sid tal-petrol station iġib dan fil-gazzetti. L-Għaqda tal-Konsumaturi dejjem kienet temmen li hemm cartel li qed jopera taht il-kappa ta’ organizzazzjoni. Dan mhux biss fid-diżil iżda wkoll fil-petrol. Kien għalhekk li l-Għaqda ħadet din l-okkażjoni biex titlob uffiċjalment lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA biex jinvestiga s-suq tal-fjuwils. Dan kien fl-aħħar ta’ Jannar.

    Illum Mejju u minkejja kollox, għad ma hemm l-ebda riżultat. Dan għax għadhom jinvestigaw. Personalment ma nistax nifhem għaliex dan id-dewmien, għax dan kien każ faċli li tinvestigah billi l-fatti ħarġu fil-pubbliku. Barra minn hekk illum mhux diffiċli biex l-Uffiċċju jikseb il-fatti għax kulma jrid jagħmel hu li jitlob it-telefonati u l-emails li saru.

    L-Għaqda kitbet diversi drabi u tippressa biex dan il-każ jingħalaq kemm jista’ jkun malajr għaliex l-impatt tiegħu hu kbir, billi mhux biss jaffettwa l-familji iżda jaffettwa wkoll in-negozji. Tajjeb li niftakru li l-prezz tal-fjuwil għandu impatt qawwi fuq l-ekonomija għaliex dan il-prezz jaffettwa prezzijiet oħra peress li l-ispiża tat-trasport tal-prodotti hi waħda reali. Fuq kollox dan irid jitqies f’xenarju akbar fejn għandek il-gvern tal-ġurnata jistinka biex mhux biss iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli iżda jekk jista’ jkun jonqsu.

    Dan l-aħħar saret ukoll pressjoni minn gazzetta biex tara x’ġara minn din l-investigazzjoni. L-iskuża li ġġib l-MCCAA hi li trid il-ħin biex tinvestiga. Issa ċ-Chairman tal-MCCAA f’ittra f’gazzetta pprova jgħaqqad it-tul ta’ investigazzjoni mar-regoli tal-ġustizzja naturali. Ir-regoli tal-ġustizzja naturali huma importanti għaliex b’hekk min hu akkużat ikun jista’ jiddefendi ruħu.

    Biss ma hemm l-ebda relazzjoni bejn iż-żmien li tieħu investigazzjoni u dawn ir-regoli. Dan għaliex ir-regoli tal-ġustizzja naturali biex jiġu mħarsa jiddependu mill-proċeduri u mhux miż-żmien li tieħu biex tinvestiga. Il-fatt li l-investigazzjoni tibqa’ tkaxkar saqajha ma jfissirx li dawn ir-regoli ser jiġu mħarsa bħalma ma jfissirx li jekk l-investigazzjoni tgħaġġel, dawn ir-regoli jinkisru.

    L-Għaqda ser tibqa’ tippressa biex din l-investigazzjoni tgħaġġel għaliex dan ikun ta’ ġid għall-konsumaturi kollha. Li nisperaw hu li kif tispiċċa din l-investigazzjoni, l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA ixammar il-kmiem u jibda jinvestiga swieq oħra li jien ċert li ma hemmx kompetizzjoni, iżda cartel.

    Bilħaqq l-aħħar ħaġa. Tajjeb li dan l-Uffiċċju jgħidilna x’kien ħareġ mill-investigazzjoni li kellha ssir kif kien imħabbar mill-Baġit tas-sena l-oħra dwar iċ-charges li l-banek qed jimponu fuq il-business.