Ħobż

    Dan l-aħħar f’ġurnal lokali dehru żewġ ittri dwar il-ħobż u d-diesel – żewġ affarijiet li l-Maltin għadhom iħossuhom bħala affarijiet essenzjali u bażiċi. Illum ser nikteb dwar il-ħobż.

    Xi snin ilu, is-suq tal-ħobż ġie liberalizzat. Għal dan is-suq, dan ma kienx ifisser li qabel dan is-suq ġie liberalizzat ħadd ma seta’ jiftaħ forn. Kien ifisser li l-ħobż kien issussidjat u għalhekk kien hemm ftehim fejn l-użin u l-prezz tal-ħobż kienu stabbiliti. Meta s-suq ġie liberalizzat kien ifisser li kull forn kien fil-libertà li jbigħ il-ħobż tiegħu bil-prezz li jrid.

    Dakinhar, l-Għaqda tal-Konsumaturi kienet għamlet pressjoni biex tittieħed opportunità biex il-ħobż jerga’ jibda jinbiegħ bl-użin bħalma kien dari. Biex isir dan, kull furnar kien ried jistabbilixxi l-prezz tal-ħobż tiegħu kull kilo. Il-gvern, taħt pressjoni mill-furnara, ma ghamel xejn. Is-sitwazzjoni tal-lum hi li ħadd ma jaf kemm hu verament il-prezz tal-ħobż. Dan għaliex hu diffiċli għall-konsumaturi li jqabblu l-prezz vera, għax biex jagħmlu dan ikunu jridu jiżnu l-ħobż.

    L-Għaqda kienet għamlet pressjoni fuq l-Awtorità ġdida li twaqqfet biex tħares l-interessi tal-konsumaturi – l-MCCAA. Wara ħafna pressjoni, kien jidher li l-affarijiet kienu ser jiċċaqilqu għaliex l-Awtorità kienet ser tibda tapplika l-prezz unit wara aktar minn għaxar snin li kienet għaddiet il-liġi. Dan ġara għaliex l-Għaqda kienet kitbet lill-Kummissjoni Ewropea.

    Biss f’daqqa waħda l-affarijiet ħadu xejra oħra. Dan għaliex l-MCCAA riedet tapplika din il-liġi biss fuq il-ħwienet il-kbar u għalhekk id-Direttur tal-Affarijiet tal-Konsumaturi fi ħdan l-MCCAA ta’ dak iż-żmien (Jannar 2013), biddel klawsola li biha applika din il-liġi fuq ħwienet kbar. Ir-riżultat kien li b’din id-deċiżjoni l-MCCAA ċaħħdet lill-konsumaturi Maltin mid-dritt li jistgħu jqabblu l-prezzijiet f'85% tal-ħwienet f’Malta u Għawdex. Dan għaliex b’din id-deċiżjoni, l-MCCAA kienet caħħdet dan id-dritt f’40 lokalità f’Malta u Ghawdex.

    Is-sitwazzjoni ġiet għall-attenzjoni tal-Bord il-ġdid li nħatar wara l-elezzjoni u dan kompla fuq ta’ qablu u ma applikax din id-direttiva. Mill-informazzjoni li għandi, il-Kummissjoni wara ħafna xhur bdiet tagħmel il-pressjoni fuq l-MCCAA u kellhom jibdew jimplimentaw din id-direttiva għaliex kienet ser tittieħed azzjoni mill-UE. Biss s’issa għadni ma nafx li l-affarijiet inbidlu u l-konsumaturi mhux biss ma jistgħux ikunu jafu l-prezz li qed jinbiegħ il-ħobż, iżda ta’ ħafna affarijiet oħra.