Ċilindri tal-Gass (ii),

    Il-ġimgħa li għaddiet fl-artiklu ta’ qabel dan fuq l-istess suġġett semmejt l-isfond ta’ kif ħareġ id-dokument. Tajjeb li nsemmi li kuntrarju għal dak li nkiteb f’ġurnal ieħor, f’Jannar tal-2013 ma kien hemm l-ebda deċiżjoni. Il-fehma tal-Uffiċċju kienet saret imma baqgħet mistura (peress li kienet xahrejn qabel l-elezzjoni), peress li ntbagħtet quddiem it-Tribunal biex jiddeċiedi hu.

    Illum ser nikteb dwar is-servizz. L-ewwel ħaġa l-Gvern beda jagħraf is-servizz tat-tqassim taċ-ċilindri tal-gass bħala Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali minħabba l-importanza li kull familja jkollha assigurat li jkollha l-gass. F’Malta dan hu importanti għaliex ħafna familji jużaw il-gass mhux biss biex isajru iżda wkoll biex isaħħnu djarhom.

    Dan għaliex suq ħieles ma jiggarantixxix li nħawi mwarrba jkunu moqdija. L-istess suq ħieles ma jiggarantixxix li pereżempju dawk li joqogħdu fi flats għoljin u ma jifilħux iġorru ċ-ċilindru tal-gass ser ikollhom dan is-servizz. Dan għaliex kumpanija jew persuna li taħdem f’suq ħieles l-ewwel ma tara hu l-profitt. Għalhekk meta tqis l-ispiża u l-qligħ li jkollok meta tqassam ċilindru tal-gass f’dawn is-sitwazzjonijiet, issib li aktar jaqbillek li toqgħod ġo rokna u jekk iridu jiġu l-konsumaturi. B’hekk tkun qed tiffranka l-ġiri, l-istrapazz u fl-aħħar mill-aħħar ikollok qligħ aħjar. Biss meta jiġri hekk, numru ta’ konsumaturi, speċjalment xjuħ, jispiċċaw mingħajr servizz. Dan mhux aċċettabbli f’soċjetà ċivili, aktar u aktar meta tqis li l-popolazzjoni Maltija dejjem qed tixjieħ.

    Min jaqra dan u jaqra l-artiklu l-ieħor fejn għedt li monopolju mhux tajjeb u ma naqbilx miegħu jista’ jibda jitħawwad. Dan għaliex meta servizz jiġi meqjus bħala Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali, ġeneralment is-servizz kollu jingħata lil operatur wieħed. Dan sar, pereżempju, fis-servizz tat-trasport pubbliku - dak li aħna l-Maltin insejħulu s-servizz tal-linja.

    Dan il-ftehim jippermetti li n-numru ta’ operaturi ma jkunx wieħed stabbli iżda dawk li jridu u jissodisfaw il-ħtiġiet kollha jistgħu jidħlu f’dan is-servizz. Barra minn hekk, l-esklużività ta’ territorju lil kull min qed jagħti dan is-servizz issa spiċċat. Dan idaħħal ċerta kompetizzjoni bejn dawk li qed iqassmu. Dan hu bżonjuż specċalment meta tqis l-ilmenti li hemm dwar is-servizz li qed jingħata lill-konsumaturi. Is-servizz kien wieħed li dejjem sejjer lura u l-konsumaturi kellhom jibqgħu jiffaċċjaw l-arroganza ta’ wħud minn dawk li jqassmu ċ-ċilindri.

    Peress li dan is-servizz ġie ddikjarat bħala Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali, il-Gvern jista’ jagħti sussidju. Dan hu suġġett jaħraq għal ċerti nies. Jien wieħed minn dawk li jemmnu li peress li s-sussidji għall-konsumaturi kollha spiċċaw, dawn għandhom ukoll jispiċċaw għal dawk li jipprovdu servizz. Pereżempju, ma kontx naqbel li kieku dawn ser jingħataw kumpens talli ser jitilfu l-monopolju tagħhom. Dan għaliex wieħed li jispiċċalu l-monopolju jkun daħħal aktar minn sehmu qabel meta kien jopera bħala monopolju. Għalhekk ma qbiltx li l-gvern ta’ qabel kien ta kumpens lil tal-linja. Lil dawn l-ewwel tajniehom sussisdju biex jibdlu l-karozzi li kienu qed jaqgħu biċċiet u wara tajniehom kumpens talli tilfu l-monopolju. Li kieku d-distributuri ser jieħdu kumpens għaliex jista’ jidħol ħaddieħor fis-suq, jien kont inkun kontra. Dan ghax nemmen li nies li gawdew għal snin sħaħ minn monopolju, jagħtu l-flus żejda li ħadu għandhom u mhux nerġgħu nagħtuhom il-flus!

    Biss dan is-sussidju – li hu wieħed limitat bir-regoli tal-UE – irid isir biex jiġi ggarantit is-servizz u jsir titjib fis-servizz.

    Ir-referendum ta’ nhar is-Sibt

    Diġà ktibt l-opinjoni tiegħi. Jien kontra li l-istaġun tal-kaċċa jiġi mġedded fir-rebbiegħa. Dan għaliex jien kontra l-moħqrija u l-qtil tal-annimali.

    L-argumenti li qed jintużaw favur dan il-qtil jitkellmu fuq kollox, barra li l-kaċċa mhi xejn għajr li naċċettaw li xi ħadd jispara fuq annimal – f’dan il-każ l-għasafar.

    Kien hemm argumenti li dan ir-referendum ser jiggarantixxi l-istess drittijiet bħal kaċċaturi oħra f’pajjiżi oħra. B'dan l-argument qed ngħidu li la pajjiżi ohra jaċċettaw il-qtil tal-annimali, aħaa għandna nagħmlu dan.

    Argument ieħor hu li jekk il-Le jirbħu jfisser dittatura tal-maġġoranza. Dan hu nofs argument, allura jekk jirbħu l-Iva jfisser dittatura tal-minoranza. Nippreferi dittatura tal-maġġoranza speċjalment meta fin-nofs hemm il-ħajja tal-annimali.

    Kull min jemmen li l-annimali għandhom id-dritt tal-ħajja bħan-nies, għandu jmur jivvota LE. Vot għal-LE jfisser li qed issalva l-ħajja tal-għasafar.