Ċilindri tal-Gass u l-Bart

    Ċilindri tal-Gass (i),

    Il-kwistjoni tat-tqassim taċ-ċilindri tal-gass ilha għaddejja snin. Għamilna ħabta kull meta jersaq il-Milied, dawk li jqassmu l-gass kienu jheddu li ser jistrajkjaw. Għal xi raġuni ftit jiem wara kollox jintesa. Probabbilment kienu jsiru taħditiet wara l-kwinti u jintlaħaq xi ftehim.

    Il-kwistjoni kollha kienet tqum dwar ftehim li kien għamel il-gvern ta’ qabel li jagħti territorju esklużiv lid-distributur biex iqassam il-gass. B’hekk kull distributur kien ikollu monopolju. Ir-riżultat ta’ dan kulħadd jafu għaliex is-servizz li jirċievu l-konsumaturi kien wieħed baxx u dejjem jitbaxxa.

    Fil-Milied tal-2012 din il-kwistjoni reġgħet qamet minħabba dan il-ftehim. Il-kwistjoni kienet ilha quddiem l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fl-MCCAA snin sħaħ mingħajr ma jiċċaqlaq xejn. Fl-aħħar, meta l-gvern ta’ dak iż-żmien xamm li din il-kwistjoni kienet ser tispiċċa l-qorti u quddiem il-Kummissjoni, l-Uffiċċju lesta l-istħarriġ tiegħu. Iżda biex il-Gvern ma jiġġieled ma’ ħadd ftit xhur qabel l-elezzjoni, tefa’ din il-‘fehma’ quddiem it-Tribunal biex jiddeċiedi hu, peress li jaf li din il-proċedura tieħu s-snin. Ktibt ‘fehma’ għaliex li kieku din kienet issejħet ‘deċiżjoni’ kienet tidħol fis-seħħ mill-ewwel.

    Il-kwistjoni reġgħet inqalgħet fl-2013 u hawn, taħt gvern ġdid, kien hemm żvilupp għaliex għall-ewwel darba l-MRA esprimiet ruħha u ħarġet il-fehmiet tagħha għall-konsultazzjoni pubblika. F’din il-fehma kien hemm żewġ affarijiet importanti – waħda li ġie rikonoxxut li s-servizz li qed jingħata ma kienx tajjeb u t-tieni li rigward il-monopolju kollox jibqa’ l-istess.

    L-Għaqda tal-Konsumaturi kienet bagħtet il-fehmiet tagħha u għamlithom pubbliċi. L-Għaqda, filwaqt li qablet li s-servizz għandu jitjieb u għamlet suġġerimenti oħra ma’ dawk tal-MRA, ma qablitx li l-monopolju jibqa’.

    Dan l-aħħar xi distributuri reġgħu għamlu protesta filwaqt li tnejn li riedu jidħlu fis-suq għamlu protest ġudizzjarju. Dak li ġara ċaqlaq l-affarijiet għaliex ftit ġimgħat wara ħarġet deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni. Din id-deċiżjoni bidlet ir-rotta ta’ qabel għaliex il-monopolju li kien jeżisti għandu jitneħħa filwaqt li hemm pjani biex ikun hemm titjib fis-servizz li jingħata lill-konsumaturi.

    Din kienet deċiżjoni għaqlija u l-Għaqda tħossha sodisfatta li l-pożizzjoni li ħadet fil-konsultazzjoni pubblika ġiet aċċettata.

    L-aħħar punt għal-lum. Kien ta’ sodisfazzjon li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fl-aħħar beda jiċċaqlaq u beda jiddeċiedi. Nispera li din l-attitudni tkompli u mhux nerġgħu naqgħu fl-apatija u f’rapporti li ma jwasslu għal xejn. L-Uffiċċju twaqqaf biex jiddeċiedi, u hekk għandu jaghmel għall-ġid tal-konsumaturi.

    Barts qabbadhom il-bard!

    F’Malta għandna tendenza li l-messaġġier hu aktar importanti mill-messaġġ innifsu. B’dan ir-raġunar, kulma jgħid dak li għandi fiduċja fih hu kollu tajjeb u dak li jgħid dak li jien m’għandix fiduċja fih hu kollu ħażin. L-istess dak li tagħmel dik il-persuna li għandi fiduċja fiha hu kollu tajjeb filwaqt li dak li jagħmel ħaddieħor immaqdru. Mhux l-ewwel darba li ġara hekk, u hekk ġara fil-każ ta’ Barts.

    Għaliex qed ngħid hekk? Ftit ġimgħat ilu tħabbar li l-isptar Barts ta’ Londra kien ser jiftaħ skola medika ġdida f’Malta. Dawk li m’għandhomx grazzja ma’ dan il-Gvern ħarġu b’numru ta’ affarijiet biex iġibu dubju. Kien hemm min ried jiżra’ d-dubju f’Barts innifsu minkejja li tobba ta’ statura u li studjaw barra jgħidulek li dan hu sptar ta’ fama mondjali.

    Oħrajn li jafu din il-kritika ma treġix ippruvaw jivvintaw diffikultajiet li jistgħu jinħolqu. Kien hemm tliet affarijiet li ppruvaw ibeżżgħu bihom bl-iskuża li din l-iskola medika ġdida ser tħarbat dik preżenti. Prinċipalment issemmew dawn l-affarijiet:

    - Li l-Iskola Medika tal-Università ser jitilquha l-lecturers biex imorru ma’ Barts;

    - Li t-tagħlim tal-istudenti fl-Iskola Medika preżenti ser imur lura għaliex ser ikun hemm l-istudenti ta’ Barts fl-isptar Mater Dei.

    Biex naraw dawn l-affarijiet tajjeb niftakru li madwar 5/6 snin ilu kienet ser tiftaħ skola medika oħra – dik tas-St George’s ta’ Londra. Kienu diġà bdew il-preparamenti. Tajjeb li ngħidu li dak iż-żmien ħadd ma fetaħ ħalqu għaliex din kienet ser iġġib sfidi ħafna akbar għall-Iskola Medika tal-Università u l-istudenti tal-mediċina. La l-Università u lanqas il-Fakultà ma raw problemi għaliex kienu qed jaħdmu ma' St George’s biex il-campus tagħhom ikun l-Università stess.

    Tajjeb li nqabblu ż-żewġ xenarji biex naraw id-differenza. Filwaqt li l-campus ta’ Barts ser ikun Għawdex, dak ta’ St George’s kien ser ikun l-Università stess, mal-istess Fakultà. Dan kien ifisser żewġ affarijiet: L-istudenti ta’ St George’s kienu jridu spazju għal-lectures, tutorials eċċ. Ġol-Università stess; u l-parti klinika tal-kors kienet ser issir kollha Mater Dei.

    Min jaf kif taħdem il-Fakultà tal-Mediċina jaf li l-ispazju, speċjalment għal-lecture rooms, hu ristrett ħafna u diġà kien hemm problemi bil-kors ta’ dak iż-żmien peress li n-numru tal-istudenti kien kbir u qed jikber. L-istess meta tqis il-parti klinika tal-kors.

    Dawn il-problemi ma jeżistux bil-kors ta’ Barts. Biss bħalma diġà għedt, Alla jbierek, dawn il-problemi dakinhar ħadd ma rahom u ħadd ma tkellem dwarhom. Illum li ma jeżistux, rawhom u jridu assikurazzjonijiet!

    L-istess fuq l-għalliema. Min jaf, ħafna milli jghallmu l-Iskola Medika huma part-timers. Dan ifisser li ma hemm xejn iżommhom jew itellifhom li jistgħu jaqdu liż-żewġ skejjel bħalma kien ser jiġri li kieku fetaħ St George’s. Fuq kollox diġà ngħad li Barts ser iġibu wkoll lecturers minn barra, li jfisser li lanqas din il-pressjoni mhi ser tkun qawwija daqslikieku fetaħ St George’s.

    Dawn l-affarijiet juru ħaġa. Li l-lupu meta ma jistax jilħaq l-għeneb jgħid li l-għeneb hu qares. Dawn l-affarijiet qed jingħadu għaliex l-Università ta’ Malta u l-Fakultà kienu fallew milli jġibu lis-St George’s. Peress li l-affarijiet fuq Barts jidher li mxew ħafna, jidher li lil xi nies qabbadhom il-bard!