No Comment

    Dan l-aħħar kumbinazzjoni (għax inqis dan l-istazzjon qisu l-Pravda tal-UE), kont qed nara l-Euronews u qabel l-aħbarijiet ikun hemm programm 'No Comment' fejn iġibu filmat mingħajr kummenti. Fl-aħħar ġabu dawn il-kliem:

    ‘No comment’

    ‘No statement’

    ‘No judgement’

    ‘No argument’

    Dan il-kliem laqatni għaliex hi xi ħaġa li l-media, hi min hi, tipprova tipproġetta ruħha biha – media indipendenti, media li tikkummenta oġġettivament, media li ma tagħmilx ġudizzju. Għalija din hi xi ħaga mhux realistika għaliex kulħadd għandu l-valuri tiegħu u dawn il-valuri tiegħu jfasslu kif bniedem iħares lejn xi ħaga. Sa fejn naf jien, ma nafx li hawn nies mingħajr valuri. U kull persuna għandha l-kollezzjoni tagħha ta’ valuri. Ma jfissirx li ma hemmx valuri li jxebbħuna ma’ persuni oħra għaliex għandhom ċerti valuri li huma l-istess bħalna u għalhekk ma niddejqux li nintgħarfu bħala parti minn gruppi.

    Il-valuri ma joħorgux biss meta aħna nitkellmu iżda anki fl-għażliet tagħna. U għalhekk li minkejja li hemm miktub li ma hemmx ġudizzju, kummenti jew argumenti, l-għażla tal-filmat ma saritx minnek iżda minn xi ħadd li ried juri u jressaq lin-nies li jkunu qed jaraw il-filmat qrib l-ideat tiegħu dwar suġġett.

    Dan joħroġ ċar speċjalment meta l-filmat li jintwera jkun ta’ xi gwerra, taqlib soċjali jew politiku li jkun għaddej. L-għażla tal-filmat mal-ewwel turik is-simpatija fejn hi mingħajr il-bżonn ta’ kummenti, argumenti, dikjarazzjonijiet jew ġudizzju bil-miktub jew bil-kliem.

    Jum il-Konsumaturi

    Nhar il-Ħadd jaħbat Jum il-Konsumaturi. Din is-sena fil-mira tal-Consumers’ International hemm l-ikel li nieklu. Hu stmat li d-dieta li ġeneralment jieħdu n-nies illum qed twassal għall-ħxuna u wara zokkor għoli fid-demm, pressjoni għolja u kolesterol għoli. Dawn illum huma xi wħud mill-akbar kawżi li jwasslu għall-mewt bikrija. Dan barra l-ispiża kbira sew għan-nies li jbatu b’dawn il-kundizzjonijiet u sew fuq skemi ta’ saħħa li jiġu offruti mill-gvernijiet tal-pajjiż.

    Il-CI semmiet partikolarment l-ammonti għolja ta’ zokkor u l-melħ li nsibu fid-dieta tagħna. Dwar iz-zokkor, ftit jiem ilu, il-WHO ħarget rapport fejn intqal li llum qed nikkunsmaw bejn wieħed u ieħor id-doppju ta’ zokkor li għandna bżonn. Hu stmat li għandna bżonn bejn 6 u 12-il kuċċarina zokkor kuljum. Jekk nieħdu certi yoghurts dawn għandhom bejn 4 u 6 kuċċarini zokkor. Tistgħu timmaġinaw kemm il-kuċċarina zokkor ikun fiha pasta!

    Barra z-zokkor, il-mira kienet lejn l-ammont kbir ta’ melħ li nikkunsmaw. Meta niftakru li l-melħ jintuża bħala priservattiv, nittendu li ħafna mill-melħ li nieħdu hu permezz tal-ikel li jew ikun ibbottiljat jew ippreparat. Hu rakkomandat li nieħdu sa 5g melħ kuljum. Biex nagħti eżempju, biċċa pizza fiha mal-1.8g melħ, jekk nieklu tliet biċċiet inkunu diġa’ qbiżna l-ammont meħtieġ.

    Il-problema ta’ ħafna konsumaturi hi li ħafna miz-zokkor u melħ li nieħdu ma nkunux nafu bih għaliex bħal ma diġa’ ktibt ikun f’ikel ipproċessat jew semi-ipproċessat. Għalhekk, il-CI qed tħeġġeġ lill-gvernijiet biex jibdew jimponu massimu ta’ sew zokkor u sew melħ li għandhom jintużaw. Diġà għandek ħafna pajjiżi li diġa’ bdew b’dan il-proċess. Għalhekk ħadna gost li s-Segretarju Parlamentari Fearne dan l-aħħar appella lil tal-ħobż biex inaqqsu l-ammont tal-melħ. Nemmen li wasal iż-żmien li anki f’dan il-qasam nibdew inpoġġu standards biex intejbu l-kwalità ta’ ħajjitna.

    Il-kaċċa – qtil tat-tjur

    Din il-ġimgħa kien hemm l-argument li l-popolazzjoni tal-gamiem u s-summien mhux qegħda f’riskju li tinqered. Ma’ dan, l-ekonomista Mark Bonello ġie rappurtat li qal li l-kaċċa ta’ dawn hi permessa wkoll fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. B’dawn l-argumenti ried jiġġustifika l-kaċċa fir-rebbiegħa.

    Personalment inħoss li huma żewg argumenti li ma jreġux. Bħalma ktibt, il-kaċċa hi li tispara u toqtol it-tjur. Nużaw l-istess argument fuq speċi oħra. Żgur li ma hemmx periklu li l-klieb u l-qtates jinqerdu għal kollox. Allura jekk nużaw l-istess argument ta’ Mark Bonello, ma hemm xejn ħazin li nibdew nisparaw u noqtlu l-klieb u l-qtates!

    L-istess l-argument l-ieħor, li jipprova jiġġustifika l-kaċċa għaliex din hi permessa fil-pajjizi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li għandna ndaħħlu l-abort għaliex dan hu permess fil-pajjiżi l-oħra?!