Il-wardens

    Mill-bidu ma laqtunix għaliex l-għan tagħhom kien jidher ċar li hu biex jiġbru fondi għall-Kunsilli Lokali. Suppost wara l-elezzjoni kellhom jinbidlu. S’issa, għall-inqas jien, għadni ma rajtx tibdil. Jekk qabel kienu biss ifittxu li jagħtu ċ-ċitazzjonijiet, xorta għadu u ma jidhirx li din il-ħeġġa naqsitilhom.

    Barra din ir-raġuni hemm raġuni oħra għaliex ma naqbilx magħhom. Din hi li l-infurzar tal-liġijiet il-wardens japplikawh kollu f’daqqa jew ma japplikawh xejn. Żewġ estremi li jġibu stmerrija lejhom. Il-liġijiet trid tapplikahom b’mod prudenti bħal meta taqbad tazza f’idejk. Jekk din it-tazza ma taqbadhiex sew, taqagħlek minn idejk u tinkiser. Jekk, min-naħa l-oħra, tagħfasha żżejjed, tinkiser f’idejk. Iż-żewġ estremi ma jagħmlu ġid lil ħadd, speċjalment lejhom. Min-naħa l-oħra, dawk li jiġu mħarrka jħossu li saret inġustizzja magħhom għaliex dawn iħossu li l-liġi għalihom biss tapplika. L-oħrajn li ma jikluhiex, iħossu li huma ‘l fuq mil-liġi u jibqgħu jagħmlu l-abbużi.

    Minn daqshekk, il-pulizija huma ħafna aktar responsabbli għaliex ħafna drabi, sakemm ma jarawx abbuż sfaċċat, kulma jagħmlu hu li jammonuk b’mod li int tagħraf li għamilt ħażin u tagħmel l-aħjar tiegħek biex ma terġax tonqos. Dan narawh fuq il-bus lane li hemm il-Marsa int u sejjer lejn Raħal Ġdid. Peress li din il-lane għal xi żmien ma kinitx qed tintuża bħala bus lane minkejja li kienet immarkata hekk fuq l-asfalt, meta riċentament reġgħet daħlet fis-seħħ, il-pulizija għal xi ġimgħa bdew iwissu lil min kien qed jużaha. Issa li kulħadd jaf, kull min jinqabad qed jiekol ċitazzjoni. U sew li jsir hekk għaliex inkella l-maġġoranza li llum qed josservawha, jiddarrsu u jibdew jiksruha bħall-ftit li jaħsbu li dejjem jistgħu jgħadduha lixxa.

    Jien nemmen li l-liġijiet għandhom jinżammu, iżda biex dan isir irid ikun hemm żewġ affarijiet fil-qafas li diġà semmejt. L-ewwel hi li jkun possibbli li dak li jkun ikun iżomm mal-liġi. Ħa nieħdu l-parking. Hemm postijiet fejn hu difficli li ssib parking speċjalment f’dawk l-akkwati fejn hemm ħafna business. F’dawn il-postijiet mhux biss ma ssibx parking fit-triq prinċipali, iżda lanqas fit-toroq tal-madwar. U hawn tidħol il-prudenza. Filwaqt li ma naqbilx li xi ħadd jipparkja double parking fi triq prinċipali, ma naqbilx li jekk xi ħadd jipparkja daqsxejn ħażin fi triq sussidjarja, dan għandu jiġi mħarrek. Dan speċjalment meta dak li jkun la jkun qed jimblokka t-triq u lanqas joħloq xi periklu. Nota mal-windscreen tkun biżżejjed.

    Fejn hemm postijiet li viċin tagħhom hemm spazji, hemm ma narax għalfejn ikun hemm laxkezza. Pereżempju, f’ħafna mill-postijiet l-ispazji madwar l-iskejjel hu ristrett ħafna. Hawn irridu nkunu daqsxejn raġonevoli, speċjalment meta tkun ix-xita u meta l-iskola tkun tat-tfal iż-żgħar. Ħadd ma jistenna li tfal ta’ 3, 4 jew 5 snin imorru d-dar waħedhom. Għalhekk f’dawn il-postijiet il-moderazzjoni hi l-aħjar. Fejn ikun hemm pulizija, dawn ġeneralment jikkontrollaw ħafna aħjar mill-wardens. Dan għaliex huma jaraw li fiż-żoni fejn mhux suppost jgħaddu karozzi dak il-ħin, allura ħadd ma jgħaddi. L-istess meta xi ħadd jagħmel xi double parking u għalhekk jimblokka xi triq. Iżda ma jgħaġġbuhiex meta xi ħadd jipparkja fuq xi linja safra, għaliex jafu li dan ipparkja għal żmien qasir, ipparkja għaliex mhux possibbli li jsib fejn jipparkja u qed jipparkja biex jiġbor it-tfal.

    Min-naħa l-oħra, fejn int għandek spazji fil-viċin ma narax li hemm lok li jsir parking ħażin. Post fejn żgur hemm spazji hu Pembroke quddiem l-iskola St Michael. Il-park and ride ta’ Pembroke ikun vojt u jistgħu jipparkjaw fih. Barra minn hekk, kulma hemm bogħod hu tul ta’ kantuniera. Għalhekk ma narax għalfejn ħafna jidħlu quddiem l-iskola u jimblukkaw it-triq li tesa’ biss żewġ karreġjati li minnhom jgħaddi t-traffiku. F’każ bħal dan, ma narax għalfejn ma jittiħdux passi.

    Aspett ieħor li jdejjaq lin-nies hu li ma japplikawx il-liġi fuq kulħadd. Il-liġi ġeneralment japplikawha maċ-ċittadin iż-żgħir. Ma jridx ikollok vista sopranaturali biex tara dan. Nibdew bl-ewwel ħaġa. Hemm nies li jqisu ruħhom li huma ‘l fuq mil-liġi. Meta jridu, jieqfu fejn iridu. Ħa nieħdu ‘l dawk li jkunu qed jagħmlu deliveries lill-ħwienet. Jieqfu quddiem il-ħanut preċiż, ħafna drabi double parking. Lanqas jekk ikun hemm spazju ftit ‘il bogħod, xorta hekk jipparkjaw. Ma jħabblu rashom għal xejn, basta jinqdew huma. Mhux l-ewwel darba li jimblukkaw triq sħiħa, speċjalment meta din it-triq tintuża minn tal-linja.

    Dan ġeneralment jagħmluh ukoll il-wardens stess. Ħafna drabi meta jkunu qed iwaħħlu xi ċitazzjoni lil xi ħadd, tarahom jipparkjaw fejn iridu u filwaqt li jkunu qed jagħtu ċ-ċitazzjoni, huma stess dak il-ħin ikunu qed jiksru l-liġi. Dan mhux l-ewwel darba li tarah meta jkollok xi warden wara xi kantuniera u jkollu l-karozza tiegħu pparkjata fuq id-double line. Il-Malti jgħid li l-eżempju jkaxkar. U għalhekk in-nies isibu ruħhom f’pożizzjoni mħawda. Ma hemm ħadd li jgħasses lill-għassiesa.

    Tendenza oħra li tirrabja lin-nies hi li dawn joqogħdu jduru fit-tororq sekondarji u dak li jiġri f’toroq prinċipali fejn jgħaddi ħafna traffiku qisu mhu qed jiġri xejn, speċjalment jekk ikun qed jinbena xi ħaġa. Sintendi għall-kuntratturi l-kbar kollox hu possibbli għaliex tara wardens għaddejjin u krejn f’nofs ta’ triq prinċipali fejn ikun qed jinbena xi blokk bini kbir ma jarawhx, filwaqt li tarahom iduru biex jagħtu ċ-ċitazzjonijiet lil xi ħadd li jkun ipparkja f’xi triq fejn ma jkun qed itellef lil ħadd. Ftit huma dawk il-building sites li meta jkollhom xi krejn fit-triq ikollhom warden biex jgħin lit-traffiku. Tgħid għaliex?

    L-istess tara li quddiem ċerti ħwienet, kull tip ta’ parking hu possibbli – double parking, fuq double line eċċ. Filwaqt li jekk tagħmel l-istess ħaġa fi triq sekondarja tiġi mħarrek. Quddiem dawn il-ħwienet kollox tista’ tagħmel minkejja li jkunu fi triq prinċipali. Għaliex? U għaliex quddiem ċerti ħwienet oħra mbagħad dejjem tara xi warden il-ħin kollu għaddej u lest biex jagħti ċitazzjonijiet bl-addoċċ?

    Iċ-ċittadini ta’ ħafna postijiet imbagħad huma urtati għaliex fil-parking huma jinsabu ċittadini tat-tielet klassi. Dan għaliex m’għandhomx opportunitajiet daqs ħaddieħor li jipparkjaw. Ir-raġuni hi li l-Kunsill Lokali tagħhom ma għamilx bħalma għamel ħaddieħor li jirriserva xi postijiet tal-parking għar-residenti. Għalhekk f’dawn il-postijiet, iċ-ċittadin mhux daqs dawk ta’ postijiet oħra fejn hemm parking riservat għalihom. Mhux hekk, iżda ċ-ċittadin isib li jrid jikkompeti għal ftit postijiet fejn hemm parking riservat għar-residenti u meta jasal id-dar isib li jrid jerġa’ jikkompeti għal anqas postijiet għaliex nies minn lokalitajiet oħra qed jipparkjaw hemm. Hemm min jgħidlek li dawk il-Kunsilli li qed jirriservaw postijiet għar-residenti mhux qed jimxu skont il-liġi. Biss xorta għadhom hemm u xorta teħel ċitazzjoni jekk tipparkja f’dawn il-postijiet.

    Nemmen li wasal iż-żmien li s-sistema tal-wardens tirranġa. Biss jekk tirranġa s-sistema u ma tirranġax in-nies li jħaddmuha, ma jkun hemm l-ebda tibdil għall-aħjar. Meta tkun ser tiġi rranġata s-sistema, il-wardens għandhom jieħdu taħriġ sura ta’ nies fejn jiġu mgħallma kif għandhom japplikaw il-liġi.