Il-kompetizzjoni fis-suq tal-enerġija

    Il-ġimgħa li għaddiet ktibt dwar il-hedging li hu l-bażi tal-kontroversja li hemm dwar jekk il-prezzijiet tal-fjuwils għandhomx ikunu orħos jew le. Illum ser nikteb dwar aspett ieħor – il-kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija. Dan għaliex il-prezz tal-enerġija ma jiddependix biss mill-hedging għaliex dan is-settur hu divers u dak li jiġri fi stadji ta’ distribuzzjoni jagħmel differenza fil-prezz.

    Jekk nieħdu l-elettriku, il-proċess kollu llum f’ħafna pajjiżi jinqasam fi tliet swieq differenti. Għandek dak tal-ġenerazzjoni, id-distribuzzjoni u r-retail. Il-ġenerazzjoni tiegħu, f’post żghir bħal Malta, ser tibqa’ ssir minn kumpanija waħda. Dan sakemm ma jsirux aktar żviluppi speċjalment fit-teknoloġija li jagħmilha kummerċjalment vijabbli li jkollna aktar kumpaniji. B’dan mhux qed inqis l-enerġija li qed tiġi ġġenerata mill-pannelli li għandhom familji u ażjendi fuq il-bjut tagħhom li llum qed tidħol ukoll fid-distribuzzjoni. Dan is-settur, għalkemm illum għadu żgħir, għad jikber u jkun importanti fil-ġenerazzjoni tal-elettriku.

    F’Malta dawn it-tliet setturi tal-elettriku għadhom f’idejn l-Enemalta u l-prezz jiddependi ħafna fuq il-hedging. Settur fejn għalkemm hemm monopolju għad irridu naraw żviluppi speċjalment fuq l-aħħar żewg stadji – id-distribuzzjoni u r-retail. F’pajjiżi oħra t-tliet stadji jkunu f’idejn kumpaniji differenti. F’Malta għadna ma wasalniex s’ hemm. Biss meta naslu żgur li naraw ċaqliq aktar ta’ spiss fil-prezz. Dan dejjem jekk ma jiġrix dak li qed jiġri fis-swieq l-oħra tal-enerġija f’Malta!

    Is-setturi tal-gass u fjuwils jidhru li huma aktar dinamiċi. Is-settur tal-gass illum hu liberalizzat. Biss minkejja dan, xorta għandna biss żewġ kumpaniji. It-tendenza ta’ żewġ kumpaniji f’suq żgħir rajnieha fi swieq oħra bħall-banek u t-telekomunikazzjoni. F’dan it-tip ta’ suq ikollok kumpanija li jkollha maġġoranza fis-suq u din tiddetermina dak li jiġri. Dan ghaliex f’dawn it-tip ta’ swieq il-kumpanija ż-żgħira ġeneralment ma tippruvax tikkompeti mal-kbira u ġeneralment tkun kuntenta bil-biċċa tas-suq li tkun tagħha. Meta jkollok hekk, il-kumpanija ż-żgħira timxi wara l-kbira. Meta din tgħolli l-prezz, l-oħra tgħollih ukoll, ġeneralment bl-istess rata biex iżżomm id-differenza oriġinali. Għalkemm suq bħal dan ikun liberalizzat, kompetizzjoni ma jkunx hemm u l-konsumaturi ftit li xejn igawdu. Dan tarah illum f’dan is-settur fejn ħafna min-nies lanqas biss jafu li hemm żewġ kumpaniji li jissupplixxu l-gass għaliex lanqas jafu kif tagħraf il-prodott tat-tnejn u wisq anqas kif jistgħu jixtru l-orħos prodott.

    Dan is-suq kontra dak tal-elettriku mhux maqsum fi tnejn – l-importazzjoni u d-distribuzzjoni. Id-distribuzzjoni mhix f’idejn l-importaturi tal-gass. Minħabba li ma nużawx it-town gas fejn kull dar tkun imqabbda ma’ sistema ġenerali (bħalma hi s-sistema tal-elettriku u tal-ilma),, il-gass ikun irid jiġi mqassam f’kull parti ta’ Malta. U hawn nerġgħu niġu f’intopp għaliex is-sistema hi waħda li Malta hi mqassma f’żoni u kull żona għandha distributur wieħed. Għalhekk għalkemm dan is-suq hu suppost liberalizzat, il-konsumaturi għandhom quddiemhom suq li hu monopolistiku. Biex ma jkunx hemm abbużi fil-prezz, dan ġeneralment ikun ikkontrollat mill-importatur u mir-regolatur li jidħlu kemm jistgħu biex iżommu biex iqassmuh.

    Peress li f’kull żona għandek monopolju, il-prezzijiet huma kollha l-istess – l-ogħla li jippermettu l-importaturi u r-regolatur.

    Xi sena ilu, wieħed mill-importaturi pprova jidħol fis-suq. Kienet qamet kontroversja u r-regolatur, l-MRA, kien ħareġ konsultazzjoni fuq id-distribuzzjoni fejn kien ser iħalli dan is-suq kif inhu llum u jdaħħal xi standards. Bħas-soltu, meta l-operaturi jaħdmu flimkien (kontra l-prinċipju tal-kompetizzjoni), dawn jikkontrollaw is-suq. F’Malta mhux biss is-suq jikkontrollaw, iżda anki l-awtoritajiet! X’ġara wara l-kwinti ħadd ma jaf. Li nafu li kollox baqa’ l-istess mingħajr ma daħlu l-istandards minkejja l-ilmenti tal-konsumaturi. Biex ma jkunx hemm komplikazzjoni mal-UE, l-importatur li kien iqassam, tħalla jagħmel dan. Dan l-aħħar din il-kwistjoni reġgħet qamet għaliex hemm tnejn li jridu jqassmu l-gass u minkejja li, skont huma, għandhom ir-rekwiżiti kollha, xorta ma ngħatawx liċenzja biex iqassmu l-gass mill-MRA u għamlu protest ġudizzjarju. Min jaf, forsi naraw xi ċaqliqa f’dan is-suq.

    Tajjeb li nsemmu li l-Għaqda tal-Konsumaturi kienet għamlet il-proposti tagħha fuq kif dan is-suq jista’ jinfetaħ għall-kompetizzjoni u fl-istess ħin niggarantixxu sew id-distribuzzjoni u sew servizz aħjar. Minkejja l-kontroversja li kienet inqalgħet, ma smajna xejn. Jidher li kollox intefa’ taħt it-tapit għax hekk jaqbel għad-distributuri u min jorganizzahom.

    Niġu issa għaż-żewġt iswieq l-oħra tal-enerġija – dawk tal-fjuwils. Hawn għandek is-suq tal-petrol u s-suq tad-diesel. L-importazzjoni tal-petrol għadha f’idejn l-Enemalta iżda l-importazzjoni tad-diesel hi aktar miftuħa għaliex għandek diversi importaturi. Minkejja dan, il-konsumaturi ma gawdew xejn mil-liberalizzazzjoni għaliex illum il-prezzijiet huma xorta kullimkien – l-ogħla li hu permess. Dan minkejja li dawn is-swieq huma aktar miftuħa. Veru li xorta trid liċenzja biex tiftaħ petrol station, u żgur li hemm restrizzjonijiet, biss kull petrol station mhux marbuta bil-prezz li jbigħ sew il-petrol u sew id-diesel sakemm dan ma jaqbiżx il-prezz massimu stabilit.

    Allura jekk il-petrol stations jistgħu jbigħu l-fjuwils bi prezz differenti, għaliex ma jsirx dan? Żgur li hemm petrol stations li huma viċin ta’ xulxin u għalhekk suppost li hemm ċerta kompetizzjoni. Fuq dan dejjem kien hemm l-opinjoni li dawn is-setturi qed jaħdmu bħala cartel. Dan ifisser li l-operaturi jaħdmu flimkien biex jikkontrollaw is-suq u fost affarijiet oħra l-prezz. Xi snin ilu diġà kien hemm indikazzjoni ta’ dan f’rapport li kien sar. Biss ma sar xejn.

    Dan is-suspett dejjem baqa’ hemm iżda qatt ma kien hemm provi ċari u ħadd ma pprova jfittixhom. Nagħmluha ċara, dan ġara għaliex l-awtoritajiet li kienu u għadhom responsabbli li jiggarantixxu li hemm kompetizzjoni u ma ċċaqalqux. F’pajjiżi oħra, meta jkun hemm suspett l-awtoritajiet jagħmlu investigazzjoni u jiċċaraw l-affarijiet. Biss Malta hi unika anki f’dan l-aspett għaliex xejn ma jiċċaqlaq meta dan jikkonċerna lil ċerti gruppi li huma organizzati u għandhom is-saħħa tal-flus. Mhux għax f’Malta m’għandhomx is-saħħa tal-liġi li jagħmlu dan. L-awtoritajiet f’Malta għandhom is-saħħa li jinvestigaw u biex jagħmlu dan jistgħu jidħlu fi proprjetajiet u jieħdu l-informazzjoni li jkollhom bżonn bħalma jiġri f’pajjiżi oħra u bħalma taghmel l-UE stess meta tkun qed tinvestiga xi cartel li jkun qed jaħdem f’pajjiżi differenti.

    Fuq il-qasam tad-diesel dan l-aħħar kellna żvilupp importanti. Kellna petrol station li kienet ser traħħas il-prezz tad-diesel b’2 ċenteżmi l-litru. Biss, skont ir-rapporti li kien hemm, dan ma setax għaliex l-importatur qallu li jekk jagħmel dan ma jissupplixxihx aktar għaliex kellu pressjoni minn petrol stations oħra. Meta dan ħareġ fil-midja, l-importatur ċaħad. Ħadd ma kien jistenna mod ieħor. Wara talba tal-Għaqda tal-Konsumaturi, is-sezzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA kellha tara jekk hux kollox miexi tajjeb.

    Nisperaw li jkun hemm tliet affarijiet. L-ewwel li jkun hemm riżultat pubbliku dwar dan l-istħarriġ u mhux nerġgħu nitfgħu din il-kwistjoni fuq l-ixkaffa bħalma għamilna dwar l-uniformijiet tal-iskejjel. Li kieku ma kienx il-Ministru tal-Edukazzjoni li ħa passi biex isolviha għall-iskejjel tal-gvern, il-prezzijiet u l-monopolji hemm kienu jibqgħu. It-tieni, li ma ndumux biex ikollna riżultat. L-MCCAA għandha tagħti timeline pubbliku. It-tielet li l-investigazzjoni timraħ ukoll fuq is-suq kollu u tara jekk il-pompi tal-petrol bħal dawk tad-distributuri tal-gass humiex organizzati b’mod ta’ cartel.

    Diġà semmejt il-poteri li għandhom dawn l-awtoritajiet biex jinvestigaw dak li ġara. Dan barra li llum it-teknoloġija tagħmilha faċli li dak li ngħad fuq it-telephones nistgħu nkunu nafu bih. L-istess bħal emails eċċ. Dan ifisser li llum hemm il-mezzi. Dawn qegħdin hemmhekk biex nużawhom. Barra minn hekk illum din is-sezzjoni għandha Direttur Ġenerali ġdid. Nisperaw li jkun ħafna aktar attiv u effettiv minn ta’ qablu. Nistennew li mhux rapport biss ikollna, iżda azzjoni biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mil-liberalizazzjoni u l-kompetizzjoni. Nistennew u naraw.