Min naqas minn dmiru għandu jħallas

    Il-kwistjoni tal-Fantasy Tours il-ġimgħa li għaddiet ħadet xejra oħra. L-Għaqda tal-Konsumaturi għamlet laqgħa għal dawk li ġew milquta. Mhux ser nerġa’ nirrepeti dak li ġara lil dawn il-konsumaturi għaliex inkitbu ħafna artikli u saru ħafna kummenti fil-medja.

    Il-laqgħa li saret laqtitni għal żewġ affarijiet. L-ewwel kienet ir-rabja tan-nies milquta. Forsi hemm min jgħid li ġiethom ħażin u tilfu vaganza u somma flus. Biss meta tisma’ l-istejjer tan-nies milquta tifhem għaliex ir-rabja. Kien hemm anzjani li ilhom iġemmgħu biex imorru btala ma’ wliedhom u wlied uliedhom biex tkun l-aħħar memorja ħajja ta’ ħajjithom. Hemm oħrajn li qatt ma siefru u wara li għamlu s-sagrifiċċji kollha u faddlu s-somma meħtieġa raw kollox itir mar-riħ. Irridu nifhmu li l-impatt f’Malta hu ħafna akbar minn pajjiżi oħra, għaliex għadna bit-tradizzjoni tajba li meta rridu nixtru xi ħaġa, irridu nġemmgħu għaliha u mhux immorru niddejnu mal-banek. Għalhekk storja wara oħra u diżappunt wara ieħor. Għalhekk ir-rabja.

    It-tieni fattur kien li r-rabja kienet qawwija għaliex ġew mitluqa għar-riħhom mill-istrutturi li l-gvern waqqaf u qed jonfoq miljuni ta’ euros fis-sena biex iħarsu lill-konsumaturi. Fil-fatt l-ewwel parti tal-laqgħa kellna nuru li l-Għaqda hi differenti mill-istrutturi l-oħra tal-gvern. Ir-raġuni kienet li n-nies kienu konfużi għaliex diġà kienu ġew mitluba biex jirreġistraw mal-MCCAA u ma setgħux jaraw għalfejn din il-laqgħa. Fuq l-istrutturi tal-Gvern sew ktibt u sew tkellimt li mhux kuntent xejn bl-attitudni tagħhom. Filwaqt li nemmen li l-MCCAA għandha dmir li tidħol f’kull kwistjoni li hemm l-interessi tal-konsumaturi milquta, ma kontx nistenna li l-Malta Tourism Authority tibqa’ fil-gallerija - siekta qiesa mhux involuta. Tajjeb li ngħidu li din l-Awtorità ma kinitx qed tara li l-obbligi ta’ dawn l-operaturi kellhom skont il-liġi, qed jiġu osservati. Għaliex ma nafux. Forsi xi ħadd jilluminana. L-istess għandhom jagħmlu dawk li kienu Ministri tat-Turiżmu mill-1999 u jispjegaw għaliex ma daħħlux fis-seħħ fond għal sitwazzjonijiet bħal dawn meta l-Parlament kien għadda liġi li titlob li dan iseħħ.

    Fil-fatt hu ghalhekk li l-Istat Malti hu responsabbli. Dan għaliex il-gvernijiet mill-1999 naqsu li jdaħħlu dan il-provvidiment ta’ Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Dan iġibni għall-punt prinċipali. Li kieku dan il-fond dahal fis-seħħ kieku l-kumpens ikun ġej mill-fondi li tipprovdi l-industrija stess u mhux mit-taxxi taċ-ċittadini. Jien wieħed minn dawk li ma naqbilx li kumpens għandhom joħroġu mit-taxxi li nħallasu.

    Biss minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni minn Ministri u istituzzjonijiet tal-gvern, lanqas għandhom ikunu l-konsumaturi milquta li jħallsu billi ma jingħatax il-kumpens li hu tiegħu bi dritt. Hu tiegħu bi dritt għaliex sew il-Parlament Malti u sew Direttiva tal-Unjoni Ewropea tagħtulhu. La ma sar xejn, l-Istat Malti naqas u għalhekk hu obbligat li jħallas.

    Hemm soluzzjoni biex ma jħallasx it-taxpayer. Fil-laqgħa kien hemm min qal li dan hu gvern ġdid u għalhekk mhux tort tiegħu din is-sitwazzjoni. Biss irridu niftakru li l-gvern hu l-amministrattur tal-Istat Malti u dan, hu min hu, irid iġorr ir-responsabbiltajiet tal-Istat u ta’ dak li għamlu ta’ qablu. Dan qiesu manager f’kumpanija. Jekk kien hemm manager ta’ kumpanija li bażwar u l-kumpanija tinstab responsabbli, il-manager il-ġdid xorta hu responsabbli li jara li l-kumpanija trid tħallas l-obbligi tagħha.

    Id-differenza hi li fil-privat l-istorja ma tieqafx hemm. Il-kumpanija titlob lill-ewwel manager iħallas tal-azzjonijiet jew in-nuqqas tal-azzjonijiet tiegħu. Fil-kwistjoni tal-gvern l-affarijiet ma jaslux sa hawn u jieqfu għaliex hu komdu li t-taxpayer iħallas. Din is-sitwazzjoni trid tispiċċa u min għamel xi ħaġa ħażina jew m’għamilx dmiru jrid jibda jiġi sfurzat li jħallas ta’ għemilu u tal-ħsara li jkun ġarrab lil ħaddieħor.

    Personalment ma narax għaliex dan m’għandux isir. Dan il-gvern diġà ħa pass importanti li l-politiċi li waqt li jkunu fil-poter ikunu kkommettew korruzzjoni, għandhom jibqgħu responsabbli ta’ għemilhom minkejja li jkun ilu li żmien twil li kienu fil-poter. Dan iġib lil min qed imexxi responsabbli ta’ għemilu. Biss nemmen li l-istess għandu jsir f’każi ta’ nuqqas ta’ ħila jew tmexxija ħażina. Ma jistax ikun li t-taxpayer jibqa’ jiġi mitlub iħallas.

    Dan ma jgħoddx għal dan il-każ. Jgħodd għal każi oħra. Jekk nerġgħu niftakru fuq ix-xiri taż-żejt nafu li l-affarijiet ma mxewx tajjeb. L-istess f’dan il-każ kienu l-konsumaturi li kellhom iħallsu permezz ta’ tariffi għolja. Nemmen li jekk il-qrati jiddeċiedu li kien hemm xi korruzzjoni, dawk ħatja għandhom iħallsu b’ġidhom u mhux jibqa’ kollox għaddej.

    Hemm min iġib l-iskuża li ma kienx jaf. Għal dan l-argument it-tweġiba tiegħi hi din il-mistoqsija: jekk nipparkja ħażin u nitla’ l-qorti, il-qorti ssibni ħati jew le jekk nargumenta li ma kontx naf?! Dan l-argument m’għandux jgħodd biss għat-taxpayer, iżda għal min imexxi wkoll.

    Biex inġibu din l-affari f’perspettiva, tajjeb li nifhmu għalkemm mhux nagħdru lil min qed imexxi. Fond bħalma semmejna hu mħallas mill-operaturi nnifishom u mhux mit-taxpayer. Li kieku min kien responsabbli waqqaf dan il-fond il-konsumaturi kienu jitħallsu minn dan il-fond mingħajr il-bżonn li jmorru l-qorti. Dan ma kienx ikun l-uniku fond bħal dan għaliex fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u anki f’ċerti insurances, diġà hemm fondi li qed joperaw.

    Naf li mhux faċli li xi gvern idaħħal fond bħal dan minħabba l-industrija speċjalment jekk din l-industrija tkun importanti bħat-turiżmu jew is-settur finanzjarju. Dan għaliex l-industrija dejjem għandha argument biex ma tħallasx. Fond bħal dan ma jistax jinbena meta l-industrija tkun għaddejja minn żmien ħażin għaliex l-impatt fuq l-ekonomija jkun qawwi u negattiv. Biss meta l-affarijiet ikunu għaddejjin tajjeb, l-industrija, hi min hi, iġġib l-argument li jekk tibda tħallas għal fond bħal dan, ma tkunx tista’ tespandi kif mixtieq. Kull gvern ikollu t-tentazzjoni li ma jkunx sod minħabba li l-ekonomija dejjem tkun fuq ta’ quddiem nett għal kull gvern.

    Hu għalhekk li tibdil li tkellimt dwaru fis-sistema tar-responsabbiltajiet hemm bżonn jitwettqu. Dan iġib mexxejja sodi li filwaqt li jagħtu lill-industrija kull għajnuna meħtieġa biex ikomplu jespandu, għandhom ukoll jaraw li l-industrija twettaq l-obbligi kollha tagħha speċjalment dawk li jolqtu lill-konsumaturi.