It-traffiku – ħarsa wiesa’

    Waħda mit-tendenzi li għandna hi li ma nħarsux lejn problema b’mod wiesa’ u b’hekk ikun diffiċli li nsibu soluzzjoni għall-problema minħabba li meta ma tħarisx lejn il-problema b’mod wiesa’ jkollok it-tendenza li tiffoka fuq is-sintomi tal-problema. Meta jiġri dan, lanqas bil-problema ma tittendi.

    Din hi xi ħaġa li ġieli tkellimt fiha specjalment meta nsemmi l-affarijiet tal-konsumaturi minħabba li l-MCCAA għandha din it-tendenza bir-riżultat li problemi bażiċi jibqgħu hemm bir-riżultat li l-konsumaturi jibqgħu jiffaċċjaw ruħhom mal-istess diffikultà sena wara l-oħra. It-traffiku hu problema bażika oħra li għandna tendenza li nħarsu lejn is-sintomi u ninsew il-problema nnifisha.

    S’issa għallanqas dejjem kien hekk. Fil-fatt tara d-diskussjonijiet fuq il-gazzetti u tisma’ l-argumenti bejn in-nies, mal-ewwel tittendi. Nitkellmu fuq l-ammont ta’ karozzi li għandna. In-nies igergru fuq it-traffiku li jiffaċċjaw u l-gvern kien jiftaħar b’din il-problema għaliex jgħid li l-ammont ta’ karozzi jirrifletti l-ġid li għandna mingħajr ma jirreferi għall-problema li dawn il-karozzi qed joħolqu.

    Nitkellmu fuq it-trasport għat-tfal tal-iskejjel u nagħqdu dan is-suġġett mal-edukazzjoni u ninsew li dan hu fattur ieħor għat-traffiku li għandna. Nitkellmu fuq il-parking u ninsew li n-nuqqas ta’ parking ġiegħlna li jkollna ħafna mit-toroq tagħna one-way biex ikun hemm ċans li nipparkjaw fuq iż-żewg naħat tat-toroq.

    Biss dan il-baġit ħa aspett ieħor aktar importanti għaliex qed jara dawn l-aspetti bħala parti mis-sistema tagħna tat-trasport. Dan hu importanti ħafna għaliex għal darba qed naraw din is-sistema bħala waħda u dawk l-affarijiet li semmejt aktar ‘il fuq bħala parti minn din. Illum għadna qed inħarsu lejn il-problemi li għandha din is-sistema u aktar qed nippruvaw intaffuha. Għada jekk nibqgħu nieħdu din l-attitudni għas-sistema tat-trasport naraw aspetti oħra, aspetti li minflok problema din is-sistema trid tkun opportunità għal Malta kollha, sew għall-industrija u sew għan-nies.

    Jekk inħarsu lejn il-kapitlu tat-trasport fil-baġit insibu li dan jittratta dawn l-aspetti – trasport pubbliku; skont fuq l-ivvjaġġar bit-trasport; l-użu ta’ cameras għall-kontroll tat-traffiku; inċentivi biex jiżdied l-użu tat-trasport tal-iskejjel; parkeġġ fil-Birgu u Bormla; xiri li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent; inċentivi biex jinxtraw aktar roti u roti tal-elettriku u trasport marittimu għall-Belt.

    Jekk inħarsu lejn l-aspetti wieħed jittendi b’żewġ affarijiet – waħda li l-gvern qed iħares lejn it-traffiku b’mod wiesa li jinkludi wkoll ammont ta’ toroq ġodda barra flyovers biex inħaffu t-traffiku u t-tieni li l-gvern biex itaffi din il-problema qed jipprova jbiddel id-drawwiet tan-nies b’mod differenti mill-gvern ta’ qabel. Il-gvern l-ieħor dejjem kien jipprova juża l-frosta. L-ewwel konna bdejna billi ma nħallux il-karozzi private jersqu lejn il-Belt biex iniżżlu xi passiġġieri li jkunu ngħataw xi lift. It-tieni kien introduċa cvt il-Belt biex jiskoraġġixxu n-nies jidħlu l-Belt bil-karozza tagħhom. S’intendi dan kien jgħodd għan-nies komuni għaliex il-professjonisti li kienu jaħdmu l-Belt ma kellhomx diffikultà biex iħallsu din il-miżata. Din l-attitudni kienet ukoll tidher fl-enerġija. Minflok kien jagħti roħs għal min juża anqas enerġija, kulħadd kien ġie mġiegħel li jħallas ħafna aktar.

    Dan il-gvern juża attitudni oħra – dik li jħajjar in-nies ibiddlu d-drawwiet tagħhom b’inċentivi. Dan narawh f’dan il-baġit. Biex inħajru nies jużaw it-trasport pubbliku, in-noll ma għoliex minkejja li s-sussidju ser jiżdied. Mhux hekk biss, iżda ser jagħti aktar inċentivi biex iħajjar lin-nies jaqilbu għat-trasport pubbliku.

    Dan narawh ukoll fl-inċentivi l-oħra – dawk il-karozzi li jkollhom numru ta’ passiġġieri ser ikunu jistgħu jużaw il-bus lanes biex aktar jaslu malajr. Hekk ikun qed iħajjar lin-nies biex jagħmlu aktar użu tajjeb mit-trasport privat filwaqt li jnaqqas it-traffiku. F’din il-linja, ser jingħataw tax breaks lil dawk il-ġenituri li jibagħtu t-tfal tagħhom bit-trasport tal-iskejjel. Fuq din kien hemm kritika li din it-tax break mhux biżżejjed. Ma naħsibx li l-gvern kien qed jaħseb li din il-miżura biss kienet ser issolvi l-problema għaliex li kieku kien jagħmel lilha biss.

    Il-gvern ukoll qed iħajjar lin-nies biex jużaw mezzi oħra ta’ trasport bħal inċentiv fuq ix-xiri tar-roti u tar-roti tal-elettriku. L-istess biex jonqos it-traffiku lejn il-Belt inċentivi biex in-nies jużaw aktar it-trasport marittimu lejn il-Belt.

    Dawn l-affarijiet ser isolvu l-problema tat-traffiku? Żgur li le biss żgur itaffuha u huma l-ewwel passi biex naraw din il-problema nħarsu lejha b’mod wiesa’ biex ma nsolvux biss is-sintomi iżda l-problema nnifisha.