Kemm iservi'

    Mistoqsija li ftit li xejn nisimgħuha llum għaliex qed ngħixu ħajja li kull ma fiha hu kważi kollox disposable. Qabel kienet xi ħaġa li konna nisimgħuha ta’ spiss fil-ħwienet għaliex kemm iservu l-affarijiet kien jinfluwenza l-għażla tal-oġġett.

    Qabel ukoll konna nsewwu l-affarijiet. Illum, lanqas jekk trid, ma tista’. Min hu anzjan żgur li jiftakar nies li kienu jduru fit-toroq biex isewwu l-affarijiet tan-nies. Kull ma kien ikollhom kienet tkun kaxxa bir-roti li kien ikun fiha l-għodda u anki post żgħir b’xi morsa fejn ikun jista’ jaħdem. Dawn maż-żmien inqatgħu bħalma nqatgħu ħafna ħwienet li kienu joffru tiswija għal prodotti li jiġrilhom il-ħsara.

    Dan ġara għal diversi raġunijiet. Fost l-aktar raġuni li nara valida kienet li l-prezz speċjalment tal-oġġetti tad-dar (washing machines eċċ), illum ma joħdulekx dak il-persentaġġ qawwi mill-paga tiegħek biex tixtri prodott ġdid. Din is-sitwazzjoni ġejja minn ħafna fatturi fosthom li d-dħul tal-maġġoranza tan-nies żdied, il-prezz ta’ dawn l-oġġetti ma żdiedx bir-rata ta’ prodotti oħra u għalhekk sar aktar raġonevoli li tixtri wieħed ġdid. Dan barra l-fatt psikoloġiku li llum in-nies aktar qed ikunu ppressati biex jimxu mal-moda.

    Dawn il-fatturi wieħed jista’ jqishom bħala l-pull factors, jew dawk il-fatturi li llum qed jiġbdu lin-nies biex meta oġġett jiġrilu l-ħsara, jinxtara ieħor ġdid minflok jissewwa.

    Hemm fatturi oħra li qed jimbuttaw (push factors), lill-konsumaturi f’din id-direzzjoni. Fosthom hemm li llum ftit li xejn li ssib nies li jaħdmu billi jsewwu l-affarijiet. Hemm ukoll il-prezz li int tħallas biex oġġett jissewwa u anki ż-żmien li jieħu biex jissewwa. Dawn huma fatturi li llum saru importanti għaliex qed jagħmluha diffiċli li l-konsumaturi jsewwu l-prodotti tagħhom.

    Naħseb li ftit nies jaħsbu dwar dan għaliex il-ħajja hi aktar mgħaġġla. Iżda l-fatt li aħna m’aħniex konxji ma jfissirx li ma hemmx riperkussjonijiet għal dan. Fost l-aktar riperkussjonijiet kbar hu l-ambjent. Dan forsi nirrealizzawh meta nkunu ser narmu xi affarijiet. Ir-raguni hi li dawn l-affarijiet ħafna drabi huma kbar u tqal u trid tagħmel arranġament speċjali għaliex ma jidħlux fil-borża tal-plastik li fiha npoġġu l-iskart l-ieħor.

    L-ambjent hu fattur li nitkellmu ħafna dwaru iżda ftit li xejn nassoċjawh m’ dawn l-affarijiet. Biss l-impatt f’Malta hu aktar qawwi għaliex filwaqt li pajjiżi oħra huma kbar biżżejjed biex ikun hemm kwantità ta’ skart li jista’ jiġi riċiklat, f’Malta, ħafna drabi, dan ma mhux kbir biżżejjed biex jinħolqu fabbriki għal dan l-iskop. Għalhekk ħafna drabi biex xi ħaġa tiġi riċiklata din tkun trid tintbagħat barra minn Malta u għalhekk ma tibqax aktar vijabli li tiġi riċiklata minħabba l-ispiża tat-trasport.

    Meta tkellimhom dwar dan is-suġġett in-nies jgħidulek li huma daħlu f’din is-sistema għaliex il-prodotti saru jservu anqas minn qatt qabel.

    Il-ġimgħa li għaddiet mort konferenza dwar dan is-suġġett. Din kienet tittratta jekk il-kumpaniji humiex qed jagħmlu dan (inaqqsu l-ħajja tal-prodotti), b’mod ippjanat. Dan hu suġġett jaħraq għaliex l-industrija tiċħad dan b’mod qawwi. Biss min-naħa l-oħra hemm każi li juru dan. Tnejn li ssemmew kienu meta kumpaniji kienu ftehmu li jnaqqsu l-ħajja tal-bozoz u meta l-kumpanija li kienet ivvintat in-nylon, kienet tagħmel il-kalzetti tan-nisa b’nylon li mhux b’saħħtu biex jitqattgħu malajr. In-nisa li jiftakru meta daħlu l-kalzetti tan-nylon dan jafuh sew għaliex par kalzetti tan-nylon bilkemm kien iservik ħarġa minkejja li n-nylon hu plastik b’saħħtu ħafna.

    Hemm affarijet oħra li semmew fosthom li ħafna drabi ssib li biċċiet elettroniċi (ez. Capacitors), jitpoġġew f’postijiet li jżommu l-aktar sħana u għalhekk imorru malajr ħafna aktar milli suppost. S’intendi l-industrija tiċħad dan. Iżda hemm indikazzjonijiet li dan qed isir minħabba li jaħsbu li l-unika mod li kumpanija biex issalva trid bilfors tara li l-prodotti tagħha ikollhom lifetime qasir għaliex inkella d-domanda għall-prodott tispiċċa bir-riżultat li jispiċċalhom is-suq fejn joperaw.

    Ix-xenarju li jissemma hu s-suq tal-washing machines fejn illum tista’ tgħid li kull familja fl-Ewropa għandha washing machine. Jekk il-washing machine tibqa’ sservik għal għomrok, ara kif is-suq tal-washing machines jispiċċa. Din is-sitwazzjoni tintrabat ukoll mal-ekonomija in ġenerali. Ir-raġuni hi li llum ħafna mix-xogħol tal-ħaddiema ġej mill-manifattura ta’ prodotti ġodda. Dan barra postijiet tax-xogħol iġib miegħu wkoll tkabbir ekonomiku – xi ħaġa li kulhadd jixtieq.

    Din hi l-faċċata sabiħa tal-ħajja disposable li qed ngħixu. Din twassalna għall-mistoqsija: Jekk il-life cycle tal-prodotti jitwal allura nkunu qed nagħmlu ħsara lill-ekonomija tagħna. Ir-risposta għal dan ħarġet f’dan is-seminar. Li prodott idum iservik jew aħjar ikollu life cycle itwal ma jfissirx li l-prodott ma jkollux ħsarat. Dan dejjem ser jiġri minħabba raġunijiet varji. Is-soluzzjoni tkun li l-kumpaniji, jekk il-familji jibdew isewwu l-prodotti tagħhom, veru jonqos is-suq għal prodotti ġodda iżda jikber is-suq tal-ispare parts. L-istess ix-xogħol. Fejn illum għandek ammont kbir li jaħdmu f’postijiet tax-xogħol li jipproduċu affarijiet ġodda ser ikunu jipproduċu l-ispare parts u jsewwu l-affarijiet. Vantaġġ kbir ikun li l-postijiet tax-xogħol ser ikunu aktar viċin il-konsumaturi u għalhekk aktar imferxa bir-riżultat li jkun hemm bżonn anqas ċaqliq tan-nies.

    Żgur li l-akbar problema tat-tiswijiet hi l-ispiża għal dan. Dan ifisser li jekk immorru lejn din id-direzzjoni ser ikun hemm bżonn aktar pagi baxxi? Mhux bilfors għaliex l-ispiża jista’ jnaqqasha l-gvern stess biex jinkoraġixxi l-ekonomija l-ħadra. Dan jista’ jagħmlu billi jnaqqas it-tassazzjoni fuq ix-xogħol ta’ tiswijiet billi jnaqqas il-VAT u għalhekk it-tiswija tiġi orħos mingħajr mal-pagi jonqsu. Hemm min jemmen li l-istess skop tista’ tilħqu billi tintaxxa aktar il-prodotti l-ġodda.

    Personalment, ma naqbilx ma’ dan. Jekk nintaxxaw il-prodotti l-ġodda ikun hemm dawn l-effetti. L-ewwel hu li nkunu qed noħolqu ostakolu biex familji bi dħul baxx jakkwistaw dawn l-affarijiet. It-tieni nkunu qed ngħollu l-għoli tal-ħajja li żgur ikollha effett negattiv fuq il-produttività tagħna u b’hekk innaqqsu l-ġid li jista’ jinħoloq barra t-tnaqqis tal-impjiegi. Effett ieħor ikun li nkunu qed nipprovdu l-Gvern b’sors ieħor ta’ dħul u b’hekk ikun jista’ jonfoq aktar. Dan is-sors, jekk tieħu l-attitudni ta’ ħafna ambjentalisti li jemmnu li dan hu mod kif inaqqsu l-konsum u nippriservaw ir-riżorsi, ikun diffiċli li tikkritikah għaliex aktar ma tkun għolja t-taxxa, skont dan l-argument, aktar inkunu qed inħarsu l-ambjent. Irridu niftakru li aktar ma jkollok dħul għoli, anqas tikkonfondi li jkollok tixtri oġġett ieħor, u għalhekk il-ħela tkun akbar.

    Nemmen li jkun ħafna aħjar li nnaqqsu l-prezz biex inżommu l-affarijiet li għandna jaħdmu. Il-vantaġġi huma akbar għaliex inkunu qed nipproteġu l-ambjent billi nnaqqsu l-użu ta’ riżorsi. Vantaġġ ieħor li l-gvern ikollu jara kif jagħmel biex ikun aktar effiċjenti fin-nefqa tiegħu tat-taxxi li jiġbor. Dan barra li jnaqqas l-għoli tal-ħajja u jagħmel lill-prodotti Maltin aktar kompetittivi fis-swieq internazzjonali.

    Hemm min jgħidlek li b’hekk tkun qed tħalli aktar prodotti li mhux daqshekk effiċjenti. Dan veru biss kull raġunament jgħidlek li biex int tara l-impatt fuq l-ambjent ma tridx tikkalkola biss kemm oġġett ikun energy efficient, iżda trid tikkalkula wkoll l-ammont ta’ riżorsi oħra (materjal, enerġija eċċ), li sew dak l-oġġett li tkun ser tarmi u l-oġġett ġdid li tkun ser tixtri ikun irid biex jiġi manifatturat u tnaqqas dawn ir-riżorsi li tkun iffrankajt jekk tibqa’ tuża l-prodotti aktar energy friendly. Dan ma jfissirx li m’għandniex immorru għal oġġetti energy friendly, biss il-kalkolu jrid ikun korrett.

    Kemm hu faċli li dan isir? Hemm ħafna fatturi oħra li trid tikkonsidra. Hi ħaġa faċli li tgħid li trid tibni ekonomija ħadra li tkun tħares l-ambjent, biss biex tasal għal dan irid isir tibdil strutturali mhux biss kif nitkellmu iżda wkoll kif naħsbu u kif naġixxu. Żgur li jkun hemm ċans li nħarsu lejn dawn l-affarijiet f’artikli aktar ‘il quddiem.