Għajnuna lill-volontarjat

    Riċentament il-Ministru Helena Dalli iltagħqet mal-kumitat li jirrappreżenta lill-ghaqdiet volontarji. Dawn l-għaqdiet tista’ tgħid li jirrappreżentaw l-oqsma soċjali kollha peress li hu elett mill-għaqdiet volontarji. Dawn l-għaqdiet jaħdmu f’kull qasam. F’din il-laqgħa l-Ministru semmiet il-hubs tal-volontarjat li qed jiġu ppreparati biex jilqgħu fihom għaqdiet volontarji. Minn dawn il-postijiet dawn l-għaqdiet ikunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom b’mod aktar effiċjenti.

    Illum nixtieq nikteb dwar dawn l-għaqdiet volontarji. Hemm ħafna tipi ta’ għaqdiet volontarji u ż-żmien li ilhom jaħdmu hawn imur lura ħafna fiż-żmien. Żgur li ħafna minn dawn l-għaqdiet ser issibhom jaħdmu madwar il-knisja u għalhekk huma semi-reliġjużi. Il-fratellanzi u l-baned huma fost l-eqdem. Tal-aħħar huma wkoll fost l-aktar li għamlu suċċess għaliex mhux talli l-antiki baqgħu jikbru, iżda nibtu oħrajn ġodda biex illum tista’ tgħid li għandna għaqdiet bħal dawn f’kull lokal u f’ħafna oħra hemm aktar minn każin wieħed. Dawn mhux biss baqgħu jaħdmu, iżda ħafna minnhom irnexxielhom li jkollhom post minfejn jaħdmu li hu fost l-isbaħ ċentri li ssib fil-lokal.

    Dawn l-għaqdiet volontarji llum huma permanenti u l-futur tagħhom jiddependi fuq il-festi. Sakemm il-festi jibqgħu popolari l-futur tagħhom hu żgur. Sintendi l-attività tagħhom stess hi parti importanti biex il-festa f’lokal tkun suċċess. Din l-attività wasslet biex jinbtu għaqdiet volontarji oħra bħalma huma l-għaqdiet tal-armar tal-festi u tan-nar. Biss il-baned huma wkoll fost dawk l-aktar li jagħtu lura lis-soċjetà l-aktar fil-qasam tal-mużika minħabba l-‘iskejjel’ li għandhom u li jibqgħu jaħdmu tul is-sena kollha wara l-kwinti biex jipproduċu bandisti ġodda. Ħafna minn dawn l-‘iskejjel’ kienu l-post fejn inżegħrat iż-żerriegħa għall-aħjar surmastijiet tal-mużika li kellna.

    Settur ieħor li ġibed ħafna volontarjat huwa dak tas-saħħa. Biċċiet minn dawn nibtu minn xi ħadd tal-familja ta’ xi persuna li tkun iffaċċjat xi marda. Għandek oħrajn li nibtu wkoll mill-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u li kellhom l-inizjattiva biex jippruvaw mhux biss jgħinu l-familji li jkollhom lil xi ħaddieħor li qed ibati b’dik il-marda, iżda jqajmu għarfien dwar il-marda stess. Xi wħud minn dawn l-għaqdiet illum kibru ħafna u għamlu suċċess kbir. Qed jagħmlu ħidma kbira sew fl-għajnuna psikoloġika li jagħtu lill-familji milquta u sew fl-għajnuna finanzjarja. Barra dan qed jipprovdu wkoll strutturi li jikkumplimentaw dawk is-servizzi li jagħti l-gvern.

    Ċentru ta’ attività li qed jiġbed ħafna volontarjat hu ċ-ċentru ta’ ħidma li ħareġ mill-Community Chest Fund imħaddem mill-Presidenza. Illum dan m’għadux biss ċentru fejn jiġbor il-flus u wara jqassamhom lil dawk li għandhom bżonn, iżda sar ċentru ta’ ħidma fejn ħafna nies li għandhom xi ħin x’jagħtu jsibu mezz fejn jistgħu jkunu ta’ ġid għall-komunità. Din il-ħidma saret ukoll mezz ta’ mobilazzjoni ta’ nies inġenerali speċjalment bl-attivitajiet li jagħmlu għall-massa tan-nies.

    Dan ix-xenarju li pinġejt aktar ‘il fuq jagħti stampa tal-għaqdiet volontarji li kibru u għamlu suċċess kbir. Fattur li għinhom ħafna ssib li dejjem kien hemm xi persuna li kellha ċerta influwenza fil-lokal jew fil-qasam u għalhekk kellha l-konnessjonijiet u l-finanzi li jiżviluppaw dawn l-għaqdiet b’mod professjonali. Meta jsir hekk mhux biss għaqda tiżviluppa internament billi tkun kapaċi tassorbi kull għajnuna li ssib iżda wkoll esternament billi jsiru wkoll ċentri ta’ influwenza.

    Biss dawn huma l-players il-kbar fl-istampa. L-istampa tal-volontarjat għandha ħafna wċuh oħra li għalkemm huma iżgħar ħafna u mhux magħrufa daqs il-kbar xorta qed jagħmlu ħidma li tikkontribwixxi għall-ħajja soċjali li għandna llum. Waħda mid-differenzi fundamentali bejn l-għaqdiet il-kbar u dawk żgħar hi li l-kbar huma bbażati fuq l-emozzjoni. Nistgħu nsemmu xi eżempji. Jekk nieħdu l-baned dawn huma bbażati fuq il-festi li jqajjmu ħafna emozzjoni fil-poplu tagħna. L-istess jekk nieħdu l-Puttinu Cares, min ma jħossx għat-tfal? L-istess il-Community Chest Fund.

    Ma jfissirx li kull għaqda li hi bbażata fuq l-emozzjoni hi suċċess għax hemm fatturi oħra. Illum għandek ħafna għaqdiet volontarji li jiffukaw fuq xi marda. Biss fejn il-marda jew kundizzjoni tkun rari, minkejja l-emozzjoni li tħoss meta tara dawk in-nies milquta u l-familji tagħhom x’ikollhom iġarrbu, xorta huma għaqdiet żgħar.

    Dawk li m’humiex ibbażati fuq l-emozzjoni hu diffiċli li huma jiġbru sew il-membri u sew il-fondi. Jekk naraw l-għaqdiet li jiffukaw fuq xi hobby, issib li dawn huma żgħar. Mhux għax il-hobby ma jkunx popolari, iżda għaliex is-soċjetà tagħna ħafna min-nies ma tantx jieħdu gost jaħdmu ma’ xulxin. Din issibha f’oqsma oħra wkoll. Dawn issib li huma għaqdiet żgħar li ġeneralment, minkejja x-xogħol li jkunu qed jagħmlu huma neqsin ħafna mir-riżorsi. Aktar ma tkun żgħir ma tkunx biss nieqes mir-riżorsi iżda nieqes ukoll mill-kapaċità li tassorbi kwalunkwe għajnuna biex tikber.

    Żgur li waħda mill-problemi hi li jkollhom post minfejn ikunu jistgħu jaħdmu. Veru li llum ħafna mix-xogħol isir minn fuq l-internet, iżda xorta jkollok bżonn post sew fejn tiltaqa’ u sew biex torganizza xi attivitajiet li jgħinu lil dawn l-għaqdiet ikollhom aktar viżibiltà u jkunu magħrufa. Li jkollhom uffiċċju sura ta’ nies jgħin ħafna wkoll biex jinżammu rekords tal-ħidma tagħhom u jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu b’mod professjonali.

    Hu minħabba dawn ir-raġunijiet li l-inizjattiva tal-Gvern li jwaqqaf hubs għall-volontarjat hi tajba. L-inizjattiva hi tajba wkoll għaliex mhux hub wieħed għandek. Żgur li ser ikun hemm xi tliet hubs li jekk ikunu suċċess, żgur ser jgħinu l-volontarjat. Il-hub tat-Tramuntana (North hub), jidher li lest biex jilqa’ lil dawn l-għaqdiet. Nittama li l-għaqdiet jieħdu din l-opportunità biex ikomplu l-ħidma tagħhom u jsiru aktar professjonali. Min-naħa l-oħra hu tajjeb li l-Ministeru tad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumaturi u Libertajiet Ċivili jkompli din l-espansjoni ta’ dawn il-hubs għaliex ikun qed jirrikonoxxi u jinkoraġġixxi l-hidma tal-volontarjat.