Għall-erwieħ....għadu miftuħ!

    Mhux l-ewwel darba li għedtha meta jkun tard u ninqabad mingħajr xi ħaġa li jkolli bżonn nixtri. Żgur li bħali hawn eluf li jgħiduha kuljum minħabba l-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu. U allaħares ma jkunx hemm xi ħanut li jibqa’ miftuħ għax kieku l-ħajja tkun purgatorju.

    Il-kwistjoni tal-ħinijiet tal-ħwienet ilha ghaddejja snin u llum reġgħet telgħet fil-wiċċ ghaliex il-Gvern ħareġ dokument dwar dan għall-konsultazzjoni. Niftakar li meta fetaħ Bay Street, il-GRTU u ħafna minn tal-ħwienet kienu pprotestaw għaliex il-ħwienet ta’ Bay Street riedu jiftħu nhar ta’ Ħadd. Ġabu żewġ skużi biex isaħħu l-argument tagħhom – il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u r-reliġjon. Kienu żewġ skużi li ma jreġux.

    Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema ma jiddependux minn x’ħin tiftaħ u tagħlaq l-ażjenda. Jiddependu fuq is-suq tax-xogħol u fuq kemm ikunu organizzati l-ħaddiema. Kieku l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiddependu fuq il-ħin, il-ħaddiema ta’ dawk il-fabbriki li jibqgħu għaddejjin tul il-lejl kollu suppost li għandhom l-agħar kundizzjonijiet. Ir-realtà hi l-kuntrarju. Dawn għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajba għaliex huma organizzati fi ħdan unjins b’saħħithom.

    Min-naħa l-oħra, ir-realtà tgħidlek li dawk li jaħdmu fil-ħwienet il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom lanqas jibdew ma’ dawk il-ħaddiema li semmejt qabel. Dan għaliex dawn il-ħaddiema mhumiex organizzati u għaliex numru mdaqqas sew minnhom, l-aktar dawk li għandhom familja, jaħdmu partajm għal numru ta’ sigħat meta jkunu jistgħu.

    Il-kwistjoni tar-reliġjon ma nafx kif tidħol. Din il-ħaġa tidħol biss jekk il-pajjiż ikun iħaddan reliġjon fundamendalista – reliġjon li tkun tikkontrolla l-ħajja tal-pajjiż. Hu f’dan il-każ biss li tidħol ir-reliġjon. Dan għaliex dawk in-nies li jħaddnu xi reliġjon li ma tħallihomx jaħdmu f’xi ħinijiet jew ġranet xorta jistgħu jagħmlu hekk. Ħadd mhu ser jobbligak li tagħmel mod ieħor jekk għandek ħanut u ma tridx tiftħu l-Ħadd. Biss bħalma ħaddieħor m’għandux dritt jisfurzak tiftaħ il-ħanut tiegħek nhar ta’ Ħadd jew f’xi festa, lanqas int m’għandek dritt li ċċaħħad lil xi ħanut iehor li jiftaħ meta jrid.

    Tant ma kinux ireġu dawn l-argumenti li minkejja li għad għandna liġijiet tal-medjuevu li jikkontrollaw il-ħinijiet tal-ħwienet, illum xorta ssib li għandek ħafna li jiftħu meta jaħsbu li hu l-aħjar għalihom. Issib ħwienet li jiftħu l-Ħadd filwaqt li oħrajn jibqgħulek miftuħin sa tard billejl.

    Allura jekk ir-realtà diġà qieghda hekk, għalfejn għandna bżonn li nibdlu l-liġi? Nemmen li għandna bżonn nibdlu l-liġi għaliex din hi antika u ma tirriflettix ir-realtajiet u l-bżonnijet tal-lum, u sabiex ma jkollniex liġijiet li jinkisru sfaċċatament. Nemmen li jekk għandek liġi, għandek iżżommha għaliex inkella tkun qed tagħti messaġġ li l-liġijiet qegħdin hemm għalxejn. Jekk m’għadhiex tajba, biddilha.

    Id-dokument ta’ konsultazzjoni li ħareġ il-Gvern dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet hu interessanti għal diversi raġunijiet. F’dan l-artiklu ser nittratta biss fuq ċerti affarijiet. Aktar diskussjoni fuq dan id-dokument tinsab fil-blog tiegħi www.bbb84.blogspot.com.

    Ħa nieħdu s-suġġerimenti. Is-suġġerimenti li hemm iwessgħu l-ħinijiet ta’ ftuħ għall-Ħdud ukoll għalkemm b’xi kundizzjonijiet. Fost dawn hemm li jridu jagħlqu għal xi ġurnata oħra fost il-ġimgħa, javżaw lid-Dipartiment tal-Kummerċ u jagħmlu avviż għall-konsumaturi. L-unika ġurnata li ma jistgħux jiftħu hi l-Ġimgħa l-Kbira. Tneħħiet ukoll ħafna mid-diskriminazzjoni li teżisti llum fost ħwienet differenti. Barra dan, nhar ta’ Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt, il-ħwienet jistgħu jibqgħu miftuħin sal-10 ta’ billejl mingħajr permess.

    Dawn is-suġġerimenti fetħu aktar il-bieb, iżda ma fetħux il-bieb kollu. Dan jidher li sar biex jaġevolaw is-setturi konservattivi fi ħdan il-GRTU li żgur huma b’saħħithom. Ma rridux ninsew li dawn kienu wara l-kampanja li kienet saret żmien ilu biex jorbtu lil kulħadd bil-kundizzjonijiet li kien hemm għaliex jaqbel lilhom. Il-konsumaturi ser igawdu minn dan it-tibdil, biss jidher li dan sar mhux minħabba fihom, għax kieku l-bieb kien jinfetaħ kollu u l-ħwienet kienu jitħallew jiddeċiedu jagħżlu l-ħinijiet tal-ftuħ huma. Dan jidher li sar biex jagħtu ftuħ lil dawk l-ażjendi fi ħdan il-GRTU li lesti li jiffaċċjaw il-kompetizzjoni b’ħidma u kundizzjonijiet aħjar għall-konsumaturi.