Il-Kunsilli Lokali u l-post fejn tgħix

    Ma twelidx hemm u lanqas ngħix hemm, iżda hemm inqatta’ ħafna ħin. Wied il-Għajn illum kiber u sar post imdaqqas. M’għadux dak il-post fejn il-maġġoranza tan-nies jinżlu biss fis-sajf. Ħafna min-nies li ssib, jgħixu hemm. Bħal kull post ieħor li kiber, issib li ċ-ċentru antik illum jinsab imġenneb, ‘il bogħod minn fejn jgħixu l-qalba tan-nies. Biss iċ-ċentru, bħal postijiet oħra li kibru, baqa' jżomm il-qalba kummerċjali. L-istess issib li ħafna mill-attivitajiet baqgħu jsiru hemm. Għalhekk il-maġġoranza maqtugħa minn dawk l-affarijiet li jagħmluhom parti mil-lokal.

    Bħal Wied il-Għajn issib postijiet oħra hekk. Postijiet fejn il-maġġoranza tan-nies, speċjalment dawk tal-ewwel ġenerazzjoni li sabu ruħhom hemm, ma jħossuhomx tal-post u wisq anqas jipparteċipaw fl-attivitajiet. Huma biss ftit minnhom li jafu l-post, speċjalment il-postijiet storiċi.

    Huma dawn l-affarijiet li jgħaqqdu lin-nies ta’ post u jagħmluhom komunità. Minn naħa, parteċipazzjoni f’attivitajiet organizzati mil-lokal jgħinu ħafna biex in-nies ta’ post jiltaqgħu ma’ xulxin. Min-naħa l-oħra hu meta persuna tkun taf il-post sew li tħossha parti minn dak il-post u għalhekk tipparteċipa. Fil-fatt hu meta int tkun tafu li tibda tapprezza post u wara tibda tħoss li hu darek. Aktar ma tkun taf, aktar tapprezzah.

    Il-ħajja li ngħixu llum hi waħda mgħaġġla u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din ser tgħaġġel. F'ħafna familji llum issib li l-ġenituri jaħdmu t-tnejn. U meta jispiċċaw mix-xogħol iridu jaraw kif fil-ftit ħin li għad fadlilhom inaddfu, isajru u jagħmlu l-elf ħaġa oħra li titlob biex iżżomm dar li tista’ tgħix fiha. Hu għalhekk li l-ftit ħin li jibqgħalhom tul il-ġimgħa jippruvaw iqattgħuh jistrieħu. Ftit huma li dan il-ħin jużawh biex jaraw il-lokal fejn jgħixu.

    Hawn fl-opinjoni tiegħi l-Kunsilli Lokali għandhom rwol importanti. Il-Kunsill Lokali jrid jara li jkun il-pont li bih iwassal lill-familji f’lokal, speċjalment meta jkun kiber f’daqqa u jkun hemm ħafna familji ġodda, biex isiru jafu l-lokal, japprezzawh u jibdew jieħdu sehem attiv fil-ħajja lokali.

    Dan l-aħħar il-Kunsill ta’ Wied il-Għajn uża l-magazin li joħroġ tajjeb ħafna. Darba fis-sena fis-sajf jagħmel attività - ‘Iljieli Skallin’ - li tkun waħda kulturali. F'dawn l-aħħar snin din kienet tkun madwar it-Torri ta’ San Tumas - torri li għadu fi stat tajjeb. Din l-okkażjoni dejjem ħassejt li kienet importanti għal diversi raġunijiet. Xejn xejn, biex issir din l-attività, il-madwar ta’ dan it-torri jitnaddaf.

    Hi ħasra li dan ma jsirx tul is-sena kollha u b’hekk iżżomm dan il-monument ippreservat tajjeb - drawwa li sfortunatament mhix qiegħda fid-demm tagħna. Għandna tendenza li l-ewwel inħallu oġġett kważi jitmermer u wara nonfqu balla flus biex insalvawh. Anki dan it-torri, snin ilu nfaqna balla flus biex inġibuh fi stat tajjeb u llum li kieku ma ssirx din l-attività, dan jintelaq. Fil-fatt diġà reġa’ beda jikber il-kappar f’ħafna postijiet ta’ dan it-torri u hemm bżonn nieħdu ħsiebu u mhux inħalluh jitmermer.

    Il-Kunsill Lokali din is-sena ħa l-okkażjoni tal-400 mitt sena li ilu mwaqqaf dan it-torri biex jiddedika l-magazin tiegħu għall-fortifikazzjonijiet li għad hemm Wied il-Għajn. Fortifikazzjonijiet li ħafna nies isibuhom ma’ wiċċhom u lanqas biss jittendu bihom, aħseb u ara kemm japprezzawhom. Dan il-Kunsill Lokali ħaqqu prosit talli ħareġ magazin li fih innifsu hu fuljett sabiħ dwar Wied il-Ghajn u jista’ jservi ta' pjattaforma fuq xiex tista’ tibni affarijiet oħra madwaru.

    Dan il-magazin ma kienx fih biss dwar il-fortifikazzjonijiet li huma pubbliċi iżda oħrajn li huma privati. Personalment, nemmen li anki dawk li huma privati huma wkoll wirt nazzjonali speċjalment meta jkunu kważi uniċi bħalma hu t-Torri ta’ Mamo, it-Torri ta’ Gomu tal-Gardiel u t-Torri tal-Buttar. Nemmen li bħat-Torri ta’ Mamo, li llum ġie rrestawrat u ngħata taħt il-ħarsien ta’ Din l-Art Ħelwa, l-oħrajn għandhom jiġu wkoll taħt ħarsien jew tal-Gvern jew ta’ xi għaqda oħra li jafu u jistgħu jżommuhom fi stat tajjeb għal ġenerazzjonijiet futuri.

    Il-fatt li wieħed minn dawn iż-żewġ torrijiet hu residenza u l-ieħor jintuża bħala razzett ma naħsibx li ser indumu ngawduhom wisq. Dan għaliex min qed jużahom ma jarax il-valur tagħhom mil-lenti nazzjonali iżda mill-użu li hu jkun qed jagħmel minnu. Ma naħsibx li min qed jużahom japprezza dak li għandu f’idu, barra l-fatt li żgur la jaf kif iżommhom u lanqas ir-riżorsi biex iżommhom. Żgur li l-gvern jista’ jieħu dawn iż-żewġ torrijiet u jieħu ħsiebhom jew permezz tad-Dipartimenti jew permezz tal-NGOs f’dan il-qasam. Sintendi, lill-proprjetarji jagħtihom kumpens sura ta’ nies.

    Il-ħasra hi li l-Kunsilli Lokali għadhom ma rnexxilhomx jattivaw ir-riżorsi umani li jeżistu fil-lokal. Illum li parti sostanzjali mill-popolazzjoni tagħna tikkonsisti f’pensjonanti, inħolqot minjiera ta’ riżorsi ta’ nies li ħafna minnhom għadhom tajbin fiżikament u għandhom esperjenza u snajja’ li għandna bżonnhom għal proġetti bħal dawn.

    Hi ħasra wkoll li ħafna nies ma japprezzawx ix-xogħol tal-Kunsilli Lokali f’dan il-qasam. Nifhem id-diżappunt li jista’ jkollhom speċjalment meta l-Kunsill ikun għamel sforz biex jirranġa l-lokal u wara mhux biss in-nies ma jagħtux kashom iżda wkoll lanqas jibżgħu għalihom.

    Biex nagħti eżempju, ftit snin ilu l-istess Kunsill kien ħa ħsieb li jirrestawra numru ta’ niċeċ, tnejn minnhom antiki tal-ġebel. Waħda minnhom hi fit-tarf tat-triq li tagħti għaż-Żejtun. L-oħra hi fil-ġenb ta’ kantuniera ftit 'il bogħod. It-tieni waħda bilkemm tidher fejn hi speċjalment peress li jkun hemm karozzi pparkjati madwarha. Il-post ma tantx jilqgħek għaliex din in-niċċa tinsab fit-tarf ta’ għalqa li xi darba trid tinfetaħ triq u llum xi ħadd qed jużaha bħala scrapyard. Barra minn hekk, biex żgur juri kemm ma japprezzawx dawn il-monumenti, xi ħadd poġġa blokka konkrit preċiż ma’ din in-niċċa!

    Jien ċert li bħall-kunsill ta’ Wied il-Għajn hawn kunsilli oħra li jagħmlu xogħol bħal dan. Il-ħasra hi li ħafna mill-Kunsilli Lokali m’għandhomx ir-riżorsi biex jagħmlu dawn l-affarijiet. Nemmen li aktar riżorsi, speċjalment flus u pariri ta’ esperti, għandhom jingħataw. Barra minn hekk hemm bżonn ta’ strutturi oħra biex jgħinu.

    Waħda minn dawn hi l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Din f'dawn l-aħħar snin ħadet esperjenza kbira speċjalment permezz tat-tmexxija dinamika tagħha. Il-fatt li hi mdaħħla f’numru mdaqqas ta’ proġetti juri li din hi l-istruttura li tista’ tkun mezz importanti sabiex il-Kunsilli Lokali jieħdu esperjenza li jiksbu fondi minn barra minn Malta biex barra li jieħdu ħsieb dawn il-monumenti jattivaw il-lokalitajiet tagħna bħala ċentri ta’ attività ekonomika, kulturali, turistika u anki soċjali.