Sfidi jew opportunitajiet (i),

    Ftit ilu f’gazzetta lokali f’artiklu ta’ Miriam Dalli ‘Government wants to aid shops facing online competition’ tħabbar li l-Prim Ministru iltaqa’ mal-komunità kummercjali. Kien hemm żewġ punti li laqtuni f’dan l-artiklu – l-ewwel li ser nippruvaw niġġieldu l-kompetizzjoni minn barra l-pajjiż u t-tieni, f’laqgħa ohra li ssemmiet, fejn il-Ministru tal-Finanzi qal li hemm bżonn ikollna statistika aktar komprensiva dwar in-nefqa tal-konsumaturi.

    Nibda mit-tieni punt. Il-punt l-ieħor nittrattawh fit-tieni parti tal-artiklu. Jien wieħed minn dawk li nemmen fl-istatistika għaliex tagħtina idea fejn sejrin ix-xejriet u kwalunkwe politika għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni u mhux xewqat jew preġudizzji. Fl-ekonomija ix-xejriet għandhom importanza speċjali għaliex kull figura fl-istatistika tista’ xxaqleb id-direzzjoni tal-investituri jekk jinvestux jew le. Ix-xejriet tan-nefqa tal-konsumaturi hi importanti għaliex turina wkoll s-sehem tal-konsumaturi, it-tibdil fl-ekonomija, u anki l-fiduċja li għandhom il-konsumaturi fl-ekonomija.

    Għalkemm hemm il-Household Budgetary Survey, dan hu eċerċizzju li jieħu ħafna ħin – trid sena biex tiġbor l-informazzjoni u mill-anqas sena qabel ma jibdew joħorġu r-riżultati – u jiswa ħafna flus. Minħabba dawn ir-raġunijiet dan l-eżerċizzju jsir mhux qabel ħames snin. Minħabba dan, l-istatistika, bit-tibdil u d-dinamika tal-ekonomija, l-informazzjoni la tkun ‘in real time’ u probabilment ma tkunx tirrifletti s-sitwazzjoni tal-ekonomija meta l-istatistika stess tkun għadha kemm ħarġet. Dan minħabba li x-xejriet tax-xiri tal-konsumaturi jinbidlu maż-żmien. Fejn qabel dawn kienu jdumu biex jinbidlu, illum l-għaġla u t-tibdil qawwi wkoll laqtu dan is-settur.

    Għalhekk naqbel li, bħal ma jidher li hemm l-idea, isiru surveys mid-data li diġà teżisti biex ikun hemm aktar tagħrif dwar in-nefqa tal-Maltin fuq online shopping. Il-vantaġġ ta’ dawn is-surveys hu li ma hemmx bżonn tinġabar informazzjoni direttament mingħand il-konsumaturi, għaliex din l-informazzjoni tkun diġà miġbura. Għalhekk tkun tista’ tagħtina stampa aktar malajr ta’ dak li jkun qed jiġri.

    Jidher li n-nefqa tal-konsumaturi fl-2013 kienet ta’ madwar 200 miljun euros xiri minn fuq l-internet. Somma kbira meta tqis il-popolazzjoni ta’ Malta. Hu ghalhekk importanti li jkollna figuri aktar ‘reali’ u aktar malajr speċjalment meta dan is-suq għadu fil-bidu tiegħu u qed jiżviluppa malajr.

    Sa hawn ma naħsibx li hemm kontroversja. Il-kontroversja tibda meta nistaqsu għalfejn ser niġbru din l-informazzjoni. Jekk sempliċiment biex inkunu nafu kemm qed nonfqu flus fuq l-online shopping din l-informazzjoni tkun biżżejjed. L-istess jekk irridu skuża biex nirrestrinġu dan it-tip ta’ xiri, din l-informazzjoni tkun biżżejjed? Iżda jekk irridu nifhmu l-fenomenu tal-online shopping’ żgur għandna bżonn ta’ ħafna aktar informazzjoni.

    Hemm bżonn inkunu nafu mil-liema strata soċjali ġejjin dawn in-nies, jekk hux fenomenu li laqgħat faxxa soċjali waħda jew hux fenomenu aktar ġenerali. Hemm bżonn li nkunu nafu l-etajiet ta’ dawn in-nies. Milli naf u nista’ nissoponi, dan hu fenomenu mifrux. Biss għandna bżonn l-istatistika biex ikollna ħjiel aktar ċar.

    Tajjeb wkoll li nkunu nafu liema affarijiet l-aktar li qed jixtru online il-Maltin. Dan mhux biss għal kurżità iżda għaliex din hi indikazzjoni liema setturi l-konsumaturi Maltin mhux sodisfatti b’dak li qed joffri s-suq lokali.

    Biss biex ikollna stampa ċara ta’ dak li qed jiġri rridu jkollna aktar informazzjoni fuq is-suq tar-retail lokalment. X’rwol għandhom is-supermarkets tagħna f’dan is-settur? X’rwol għandhom is-supermarkets barranin fis-suq tagħna? Huma li qed jidderiġu s-suq lokali jew qed jadattaw għall-kundizzjonijiet li diġà jeżistu u sempliċiment jintegraw ruħhom fih mingħajr ma jġibu l-ebda tibdil?

    Jekk nieħdu l-protezzjoni tal-konsumaturi, id-drittijiet tal-konsumaturi fis-suq lokali huma l-istess, aħjar jew agħar, min dawk tal-online shopping? Jekk għandna l-istess jew protezzjoni aħjar, kemm hi effettiva u kemm iġġib riżultati aħjar? Jew dawn id-drittijiet huma biss fuq il-karta?

    Barra dawn id-drittijiet legali, x’inhi l-attitudni tal-business lejn il-konsumaturi? Hi l-istess bħalma hi dik tal-ħwienet barranin jew online? X’inhuma l-faċilitajiet u protezzjoni li hemm barra l-liġi? X’joffri s-suq Malti f’dawn l-oqsma u x’joffri l-online shopping? Dawn huma ndaqs, aħjar jew agħar minn dawk lokali.

    Min-naħa l-oħra rridu naraw ir-rwol tal-ħwienet iż-żgħar. Kemm għadhom importanti fis-suq tagħna? Qed jiżviluppaw, jew baqgħu fosilizzati? Min huma l-konsumaturi ta’ dawn ir-retail outlets? Huma l-istess nies li jixtru minn kullimkien jew huma konsumaturi differenti?

    Irridu naraw il-perspettiva tal-konsumaturi. Meta jużaw l-online shopping, meta jużaw is-supermarket u meta jużaw il-ħwienet żgħar tal-kantuniera? Kif jikkomparaw il-prezzijiet ta’ dawn ma’ dawk tal-ħwienet il-kbar jew dawk tal-online.

    Din it-tip ta’ informazzjoni hi bażika għaliex li kieku hemm din l-informazzjoni, ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu aktar ta’ benefiċċju għal kulħadd. Bħala eżempju ta’ deċiżjoni ħażina għaliex ma kienitx imsejsa fuq din it-tip ta’ informazzjoni nsemmi deċiżjoni li kienet ittieħdet dwar il-unit pricing.

    Qed nirreferi għal deċiżjoni dwar il-unit pricing li ttieħdet f’Jannar tas-sena li għaddiet mill-MCCAA. Fil-qosor, wara snin sħaħ ta’ pressjoni mill-Għaqda tal-Konsumaturi biex tiġi applikata direttiva u liġi li għaddiet mill-Parlament Malti snin ilu, l-MCCAA ddeċidiet li tagħmel xi ħaġa. Il-liġi li għaddiet, minflok rat kif nistgħu napplikaw il-liġi b’mod li jkun ta’ ġid għall-konsumaturi u mingħajr ħafna problemi għall-business, qagħtetha mal-ewwel billi ħarġet deċiżjoni biex din il-liġi ma tapplikax għal dawk l-outlets li huma anqas minn 200 metru kwadru. Din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma ngħatat każ tal-impatt. X’kien l-impatt? Peress li r-retail outlets tagħna huma żgħar, din il-liġi ġiet li ma tapplikax għal 85% tal-retail outlets. Dan kien ifisser li 40% tal-lokalitajiet f’Malta ma kien hemm l-ebda retail outlet li juri l-unit pricing bir-riżultat li l-konsumaturi ma setgħux iqabblu l-prezzijiet. Dan kien ifisser li jekk konsumatur ma jġorrx miegħu calculator u joqgħod jikkalkula l-prezzijiet, il-konsumaturi qatt ma setgħu jkunu ċerti liema prezzijiet huma orħos jew għola mill-oħrajn.

    Min mar l-aktar minn taħt? Żgur li l-anzjani huma l-aktar nies li ntlaqtu minkejja li għalihom il-prezzijiet tal-oġġetti huma importanti minħabba d-dħul limitat li għandhom. Semmejt l-anzjani għaliex huma dawn l-inqas li għandhom mobilità. Ħafna mill-oħrajn illum bil-karozza u għalhekk ma tantx intlaqtu ħażin għaliex setgħu jmorru għand dawk il-ħwienet li juru l-unit pricing.

    Ir-retail outlets iż-żgħar marru tajjeb b’din id-deċiżjoni? Prima facie hekk jidher. Biss jekk tanalizza sew issib li dawn awtomatikament ġew ikklassifikati bħala outlets li qed joffru servizz aktar baxx mill-ħwienet l-oħra. Dan żgur li jkun ta’ żvantaġġ għalihom ukoll.

    Min jaħseb li l-konsumaturi Malti huma mzazen qed jaħseb ħażin. Il-konsumaturi Maltin illum isiefru u jaraw it-television u jistgħu jqabblu kif jiġu stmati hawn Malta u kif huma stmati f’pajjiżi oħra.

    L-attitudni tal-konsumaturi f’dan il-qasam hi importanti ħafna. Ir-raġuni hi li l-aspirazzjonijiet tal-konsumaturi hemm qegħdin u l-konsumaturi jagħmlu minn kollox biex jaraw li dawn jiġu sodisfatti. Ġabra ta’ statistika komprensiva għalhekk hi importanti għaliex turina l-istampa sħiħa u ċara u b’hekk jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet li filwaqt li jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tal-konsumaturi jkunu wkoll mezz biex il-business f’Malta jissaħħaħ u jikber.