Risposta għall-kummenti tal-MCCAA

    Nirreferi għar-risposta tas-sur Mangion A/DG Affarijiet tal-Konsumatur MCCAA għall-artiklu tiegħi ‘Ir-rakit tal-Waterproofing’, nixtieq niċċara xi punti:

    • L-ewwel ħaġa ma nafx għalfejn daħħal lill-Għaqda tal-Konsumaturi. Ir-raġuni hi li dawn l-artikli huma l-opinjoni tiegħi. Kull meta ktibt f’isem l-Għaqda dejjem kont ċar li dan qed nagħmlu f’isem l-Għaqda. Qiesha l-MCCAA għandha xi phobia għall-Għaqda!

    • Is-sur Mangion qal li dak li semmejt jien diġà qed isir. Ma naħsibx li dan hu hekk. Jekk tiftaħ is-site tal-MCCAA fil-faċċata ta’ quddiem ma ssib xejn dwar dan jew dwar dawk in-negozjanti l-oħra li l-MCCAA ħarġet public warning statement. Biex issib il-public warning statement dwar dawn il-persuni trid tqalleb il-website kollha tant huma moħbija sew! Barra minhekk lanqas hemm ritratti ta’ dawn il-persuni biex jintgħarfu. Lanqas avviżi fil-gazzetti ma saru!

    • Biss ħalli għall-argument ngħidu li sar kollox, il-fatt li dan ir-rakit għadu għaddej ifisser li dawn il-miżuri mhux biżżejjed. Tajjeb għalhekk jgħidilna x’miżuri oħra l-MCCAA ser tieħu biex jieqaf dan l-abbuż speċjalment meta hu ż-żmien tas-sena l-aktar li l-konsumaturi jużaw servizz biex jipproteġu l-bjut tagħhom.

    • Fl-argumenti tiegħu s-sur Mangion ġab lill-MCCAA fl-istess keffa tal-Għaqda tal-Konsumaturi. Distinzjoni kbira li hemm hi li waħda hi Awtorità li għandha poteri eżekuttivi u l-oħra hi NGO li kull ma tista’ tagħmel hu biss pressjoni pubblika. Kull min jaħdem f’xi NGO jaf in-nuqqas ta’ riżorsi li dawn għandhom. Barra minhekk, filwaqt li waħda (MCCAA), għandha mal-mitt ruħ impjegat, l-oħra lanqas part-timer wieħed m’għandha u tiddependi biss fuq ix-xogħol tal-voluntiera. Distinzjoni oħra li filwaqt li l-Awtorità għandha baġit imħallas mill-konsumaturi stess permezz tat-taxxi tagħhom (din is-sena kellhom baġit ta’ €3.6miljun),, l-Għaqda bħal ħafna NGO’s oħra ma tiswa xejn lit-taxpayer. Kellha bżonn l-Għaqda kienet tingħata imqarr farka minn din is-somma bħala għajnuna biex jara x’kapaċi jagħmlu l-NGOs.

    • Biss l-akbar distinzjoni hi li filwaqt li l-Għaqda l-commitment tagħha hu - mija fil-mija lejn il-konsumaturi - il-commitment tal-MCCAA għalija hu ħafna ‘l bogħod minhekk. Insemmi biss il-unit pricing meta l-istess Awtorità ċaħdet il-maġġoranza tal-konsumaturi minn dan id-dritt biex ma turtax lin-negozji. U issa l-unit pricing ser jidħol minħabba l-pressjoni li għamlet l-Għaqda lill-Kummissjoni Ewropea biex iġġiegħel lill-MCCAA tapplika sew din id-direttiva.

    • Is-sur Mangion semma li l-MCCAA għandha l-istess poteri li għandha NGO meta jiġu għall-ilmenti. Jekk inhu hekk, is-sitwazzjoni hi veru prekarja u hu dmir tal-MCCAA biex titlob lill-Gvern aktar poteri biex tkun verament tiddefendi l-konsumaturi. Safejn naf jien s’issa dan għadu ma sarx.