Responsabbiltà lejn il-konsumaturi

    Ftit tal-jiem ilu l-Ministru responsabbli mill-enerġija ħabbar li dawk li ġarrbu nuqqas ta’ kurrent elettriku għal aktar minn 12-il siegħa, meta dan l-aħħar kien hemm ħsara fl-Enemalta, ser jingħataw kumpens ta’ €25.

    In-nies, fid-diskussjoni li kien hemm, intilfu fuq il-€25. Kien hemm min qal li kien kuntent, oħrajn qalu li dan kien ftit ħdejn il-ħsara li sofrew u oħrajn qalu li ma tantx jinteressahom għaliex il-qtugħ tagħhom kien anqas minn 12-il siegħa u għalhekk mhu ser jieħdu l-ebda kumpens.

    Nemmen li d-diskussjoni kellha tidħol aktar fil-fond. Biex nagħmlu dan hemm bżonn li naraw x’ġara dawn l-aħħar 50 sena – x’kienet ir-rwol tal-gvern u l-attitudni. Fil-bidu speċjalment fis-snin sebgħin, il-gvern kien jara l-enerġija bħala xi ħaġa strateġika u li din twassal għal żvilupp u titjib fil-kwalità tal-ħajja. Il-firxa tal-enerġija speċjalment l-enerġija elettrika kienet waħda kbira fejn tista’ tgħid li kienet laħqet kull dar u stabbiliment f’Malta.

    L-attitudni kienet waħda li l-enerġija tagħmel parti mis-servizzi soċjali u għalhekk kull familja kellha bżonn li jkollha għajnuna f’dan is-settur. Għalhekk il-prezzijiet tal-enerġija baqgħu irħas. Anke meta, għall-ewwel darba, f’daqqa, fis-70ijiet kien sploda l-prezz taż-żejt, il-prezzijiet kienu baqgħu relattivament baxxi. Biex dan jiġi bbilanċjat, l-Enemalta, li kienet l-unika operatur f’dan is-settur u li kienet titmexxa mill-gvern, kellha protezzjoni fis-sens li l-liġi kienet tagħtiha protezzjoni milli l-konsumaturi jfittxuha għal ħsarat li setgħu jsofru.

    Kien bilanċ li kien aċċettat għalkemm aktar ma għadda ż-żmien aktar kien hemm min stenna, u bir-raġun kollu, li l-affarijiet jinbidlu u bħala konsumatur għandu d-dritt għal kumpens meta jsofri minn ħsarat, għandu jingħata wkoll kumpens f’dan is-settur. L-aktar li jiġri dan hu meta jkun hemm xi qtugħ tal-elettriku u ssir ħsara minħabba li l-vultaġġ jogħla ħafna f’daqqa meta jerġa’ jiġi lura s-servizz.

    Biss dan l-aħħar għaxar snin kien hemm bidla fl-attitudni tal-gvern. Din kienet xprunata minn ċerti fatturi speċjalment in-nuqqas ta’ tmexxija tajba fl-Enemalta li ġabet din il-korporazzjoni id waħda quddiem u l-oħra wara. Din kienet megħjuna mid-dħul tagħna fl-UE speċjalment meta addatajna l-ewro biex id-dejn jiġi taħt kontroll u li n-nefqa tal-Gvern tkun ibbilanċjata mid-dħul. Il-gvern beda jsib ruħu taħt pressjoni sabiex jagħmel xi ħaġa speċjalment fl-Enemalta li kienet saret mażra m’għonq il-gvern.

    L-attitudni kienet li l-konsumaturi għandhom iħallsu tal-ispejjeż kollha biex tiġi ġġenerata l-enerġija elettrika. Ma hemm xejn ħażin f’dan il-prinċipju sakemm int tkun qed tħallas ta’ kemm verament jiswa biex tiġi ġenerata din l-enerġija. Il-problema kienet li peress li Malta hi pajjiż żgħir ħafna, kien hemm biss l-Enemalta li qed tiġġenera din l-enerġija u għalhekk kienet monopolju.

    Il-problema f’monopolju hi li jkun diffiċli biex tkun taf kemm verament tiswa biex tiġi ġġenerata l-enerġija b’mod effiċjenti. Kulħadd jaf bit-taħwid li kien għaddej fit-tmexxija ta’ din il-korporazzjoni tista’ tgħid f’kull qasam, anki f’oqsma fejn żbalji jew taħwid jista’ jiswa lill-konsumaturi miljuni kbar, bħal fix-xiri taż-żejt.

    Il-gvern għażel l-eħfef triq – dik li jgħaddi l-ispiża kollha, ġustifikata jew le, mill-ewwel fuq il-konsumaturi. Minflok ra min mexa ħażin u li dan iħallas għall-ħsara li għamel, iddefenda dak li kien għaddej fl-Enemalta, u ħeba lil min kien responsabbli mit-tmexxija. Ir-riżultat kien li l-konsumaturi kellhom iħallsu sew tal-prezzijiet ogħla li kellha ġġorr l-Enemalta u sew tal-ineffiċjenzi u t-taħwid.

    Biex isir dan kollu kellna bżonn niġġustifikaw u għamilna hekk billi għidna li l-enerġija hi suq. Bħal kull suq ieħor, hu s-suq li jsuq u jieħu liema direzzjoni jrid. Fil-każ tagħna s-suq għolla l-affarijiet u għalhekk min jikkonsma jrid iħallas għal dan. Biex aktar inkomplu niġġustifikaw dak li kien għaddej u nipperswadu lill-konsumaturi jħallsu użajna l-ambjent bħala skuża. Bdjena nirraġunaw li min qed jaħli l-enerġija u qed jagħmel ħsara lill-ambjent, irid iħallas għaliha u min qed jaħli ħafna jrid iħallas ħafna. Ir-raġunar beda jiġġebbed li aħna bħala poplu naħlu ħafna enerġija u qed inħammġu l-ambjent aktar, għalhekk irridu nġorru dan il-piż u nħallsu ħafna aktar milli konna qabel.

    Biex inkomplu nagħxquha, minflok użajna dak li kien hemm b’mod aħjar, erġajna nfaqna madwar €50 miljun ieħor minn but il-konsumaturi Maltin biex inwaqqfu l-ARMS li lanqas kienet kapaċi toħroġ il-kontijiet fil-ħin. Dan mhux biss bażwar lill-konsumaturi, li bdew jew ma jirċevu l-ebda kont jew f’daqqa jirċievu kontijiet għoljin esaġerati, iżda anki lill-Enemalta. Min-naħa l-oħra żied l-ispejjeż tal-produzzjoni għaliex għafas il-cash flow tal-Enemalta u din biex topera kellha tissellef aktar u għalhekk tħallas aktar interessi li żiedu l-ispejjeż. S’intendi reġgħu kienu l-konsumaturi li ħallsu għal dan.

    Ir-riżultat kulħadd jaf x’kien. Il-prezzijiet tal-enerġija elettrika splodew ‘il fuq u l-Maltin, konsumaturi u industrija, bdejna nħallsu fost l-aktar fl-Ewropa kollha. Dan ġab miegħu wkoll faqar f’dan is-settur fejn il-perċentwali ta’ familji li ma kellhomx biex isaħħnu djarhom fix-xitwa kien ukoll fost l-ogħla fl-Ewropa. Mhux ta’ b’xejn li l-enerġija kienet waħda mill-kwistjonijiet importanti fl-aħħar elezzjoni.

    U hawn kellna bidla għaliex wara ftit xhur ta’ bidla fil-gvern kellna roħs fil-prezzijiet tal-enerġija elettrika. Xorta baqa’ jintuża l-prinċipju ambjentali li min juża l-aktar irid iħallas aktar għaliex dawk li kienu qed jaħlu anqas mill-medja ser jirċievu roħs akbar min dawk li jużaw aktar.

    Biss dan kien riżultat ta’ bidla aktar importanti. Il-bidla kienet li l-gvern reġa’ beda jħoss ir-responsabbiltà ta’ dan is-settur. Mhux biss permezz li jagħti direzzjoni ġdida, iżda li jara li l-affarijiet jinbidlu. Waħda mill-aktar affarijiet importanti kienet il-bidla fl-attitudni li l-Enemalta għandha responsabbiltà u li din ir-responsabbiltà ma tiqafx biss li tipprovdi servizz tal-elettriku, iżda wkoll hi responsabbli mill-ħsarat li tikkawża lill-konsumaturi.

    Fil-fatt għalija dan kien is-sinifikat li meta dan l-aħħar inqata’ d-dawl - għall-ewwel darba, il-gvern ħabbar li kien ser jingħata kumpens ta’ €25 lil dawk li sofrew qtugħ ta’ aktar minn 12-il siegħa. Din il-bidla kienet breakthrough għaliex issa l-prinċipju ġie stabilit minkejja li skont l-istqarrija tal-Enemalta dan il-ħlas ser ikun ex gratia, jiġifieri mhux għax għandha responsabbiltà legali. Barra minhekk tat ukoll sinjal li l-gvern iħoss li l-enerġija hi settur importanti ħafna sew mill-lat ekonomiku u anke soċjali u għalhekk irid iżommu dan is-settur taħt għajnejh.

    Mela l-ewwel pass, pass li fetaħ xenarju ġdid, ittieħed. Issa rridu nibdew nibnu fuqu.

    Kien l-ewwel pass li hemm bżonn nibnu fuqu – li l-Enemalta hi kumpanija u trid iġġorr ir-responsabbiltajiet tagħha. Il-gvern, minħabba l-importanza tal-enerġija, irid jżomm din il-kumpanija taħt għajnejh. Il-gvern diġà ħa passi wkoll sabiex l-enerġija tkun tista’ tiġi ġġenerata b’mod orħos u b’mod aktar nadif peress li beda biex jibni power station oħra li taħdem bil-gass. Biss dan kien pass bikri għaliex hemm affarijiet oħra importanti biex din il-kumpanija taħdem b’mod effiċjenti.

    Filwaqt li rridu naraw li l-konsumaturi jħallsu dak li jikkunsmaw, il-kumpanija trid tkun responsabbli u tara li ma tużax il-pożizzjoni tagħha ta’ monopolju biex taħdem kif trid u wara tgħaddi l-piż fuq il-konsumaturi. Hemm bżonn li strutturi interni jiġu mpoġġija biex naraw li kulħadd f’din il-korporazzjoni ikun responsabbli għal għemilu.

    Min-naħa legali nemmen li ilu li wasal iż-żmien li l-protezzjoni li għandha l-Enemalta fil-liġi titneħħa u tkun responsabbli għal għemilha. Fix-xenarju l-antik din il-protezzjoni kienet bżonnha. Illum, speċjalment li parti mill-Enemalta llum inxtrat minn kumpanija privata, protezzjoni bħal din tfixkel li l-Enemalta taħdem b’mod effiċjenti.

    L-akbar diżappunt kien li l-inizjattiva ġiet mill-Gvern u mhux mill-Awtorità kompetenti – l-MRA. Ir-raġuni hi li inizjattiva bħal din kellha tiġi minn din l-Awtorità. Għalhekk għandna Awtorità speċifika biex tieħu ħsieb dan is-settur. L-Awtoritajiet illum qed jiswewlna l-belli liri u ftit li xejn qed nieħdu minnhom.

    Speċjalment illum fejn kważi tista’ tgħid li l-makkinarju kollu jaħdem b’dan it-tip ta’ enerġija, l-MRA għandha l-obbligu li tara li jkun hemm provvista kontinwa tal-enerġija elettrika. Illum mhux il-fabbriki biss li jaħdmu hekk. Għandek in-negozji, l-uffiċini u d-djar li llum jiddependu minn din it-tip tal-enerġija. Hu għalhekk li din l-Awtorità mhux biss għandha tissettja standards lill-Enemalta dwar il-qtugħ tal-elettriku bħal m'għandhom f’pajjiżi oħra fejn mhux biss jirregolaw l-itwal ħin li jista’ jkun hemm qtugħ iżda l-ammont ta’ lokalitajiet li jistgħu jiġu effettwati f’daqqa. Meta snin ilu, bħala Għaqda tal-Konsumaturi, konna għamilna din il-proposta lill-MRA dawn kienu qalulna li ser jintroduċuhom. Sal-lum ma nafx li dan sar.

    Din l-Awtorità għandha ħafna obbligi li nemmen li huma mitluqa. Per eżempju, kont u għadni nistenna li din l-Awtorità tinvestiga għaliex kien hemm dan il-qtugħ. Għandha mhux biss tagħmel hekk, iżda għandha wkoll tippubblika dan biex il-pubbliku jkun jaf x’ġara. Nistenna wkoll li minn dan ir-rapport l-MRA għandha wkoll iġġiegħel lill-Enemalta li tieħu dawk il-passi li l-MRA thoss li ghandhom jittiehdu biex ma jergax ikollna qtugħ bħal dan. Dawn mhux biss għandhom ikunu f’rapport, iżda li dan ir-rapport għandu jkun ippubblikat u wara jittieħdu l-passi biex ikun żgur li dawk il-passi li tgħid li għandhom jittieħdu, ikunu saru.

    Nemmen li jekk din l-Awtorità ma kinitx taf id-direzzjoni tal-Gvern, illum żgur tafha. Hu għalhekk l-obbligu tagħha li issa taġixxi biex dan is-settur, li żgur ser ikompli jikber ikun ta’ ġid mhux biss għall-operatur u l-ħaddiema tiegħu, iżda wkoll għall-komunità kollha li qed tħallas biex ikollha servizz tajjeb li jaqdi l-ħtiġijiet tal-lum.